Persuna tisfida l-kwarantina darbtejn

kwarantina-pulizija
CMRU

Persuna kisret ir-regoli tal-kwarantina mandatorja darbtejn u ġiet immultata €6,000, skont il-Gvern.

F’aġġornament dwar il-coronavirus, il-Gvern qal li saru aktar minn 480 spezzjoni fuq dawk li suppost qegħdin kwarantina. Fl-aħħar 24 siegħa saru 347 spezzjoni f’Malta u 37 spezzjoni oħra f’Għawdex. S’issa b’kollox ħarġu 21 multa lil dawk li sfidaw il-kwarantina mandatorja

L-ebda stabbiliment tal-ikel u x-xorb ma nqabad miftuħ waqt l-ispezzjonijiet tal-MTA biex ikun żgurat li dawn jibqgħu magħluqa biex titrazzan il-firxa tal-coronavirus. Fl-aħħar sigħat saru aktar minn 360 spezzjoni f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex. B’kollox s’issa saru fuq 2,200 spezzjoni.

L-appell tal-Gvern jibqa’ li, filwaqt li l-istabbilimenti tal-ikel m’għandhomx jifħtu għan-nies sakemm jingħata avviż ieħor, in-nies m’għandhomx jiffullaw barra l-istabbilimenti tat-take-aways jew dejjem għandhom iżommu d-distanza minn xulxin.

Intant, għalkemm fiżikament magħluqin, il-mużewijiet nazzjonijiet u s-siti ta’ Heritage Malta xorta fetħu l-bibien tagħhom b’mod virtwali permezz tas-sit elettroniku Google Arts & Culture –https://artsandculture.google.com.

Din il-ġimgħa raġel li kellu joqgħod kwarantina weħel multa ta’ €9,000 talli kiser il-kwarantina ħames darbiet.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn