Persuna tirċievi dijanjożi tal-kanċer kull 5 sigħat – Ministeru għas-Saħħa

Skont dokument maħruġ mill-Ministeru għas-Saħħa, kull ħames sigħat persuna f’Malta tirċievi l-aħbar li din jkollha l-kanċer.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne llum nieda l-pjan nazzjonali tal-kanċer għall-ħames snin li ġejjin. Saħaq dwar l-importanza ta’ sforz ikkoordinat għall-ġlieda kontra l-kanċer u spjega li huwa għalhekk li tħejja dan il-pjan strateġiku.
Waqt il-konferenza, Dr Fearne tkellem ukoll dwar żieda fil-mediċini li jingħataw b’xejn, dwar żieda fl-iscreening tal-kanċer u dwar fondazzjoni nazzjonali għar-riċerka tal-kanċer. Fearne qal li l-Gvern se jkun qed jonfoq aktar flus u jżid l-isforz għall-prevenzjoni tal-kanċer.
Skont id-dokument għall-konsultazzjoni maħruġ mill-Ministeru għas-Saħħa, aktar ma’ tikber fl-età l-popolazzjoni ta’ Malta, il-prevenzjoni tal-kanċer issir aktar ikun importanti.
Id-dokument jindika li l-kanċer jinstab f’1800 persuna ġdida kull sena f’Malta u li din il-figura mistennija tkompli tiżdied.
L-għan aħħari tal-pjan għall-ħames snin li ġejjin huwa li tonqos l-inċidenza tal-kanċer, li jiżdied iċ-ċans li wieħed jgħix wara li jkun milqut minn din il-marda, u li l-esperjenzi tal-pazjenti u l-kwalità ta’ ħajjithom titjieb.