Read in English.
Tfajla waqgħet minn ġol-vettura li kienet qed issuq fil-Marsa dalgħodu waqt li kienet fuq xogħol u tilfet ħajjitha.
Kelliem għall-Pulizija informa lil Newsbook.com.mt li dan ġara fit-8am fi Triq Ħal Qormi.
Il-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li t-tfajla ta’ 19-il sena tilfet il-kontrol tal-vettura u nqalbet, bil-konsegwenza li ħarġet minn ġol-vettura u ġiet taħtha.
Hija kienet pustiera u kienet qiegħda ssuq il-vettura tal-MaltaPost.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lit-tfajla l-Isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard, il-Pulizija ġiet infurmata mill-awtoritajiet tal-isptar, li hi tilfet ħajjitha.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Caroline Farruġia Frendo LL.D li qiegħda tmexxi inkjesta, megħjuna minn diversi esperti li ħatret. Il-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi għadha għaddejja bl-investigazzjoni tagħha dwar dan il-każ.