Aġġornata: 7 miljun persuna ‘tivvota’ kontra Maduro

Hekk kif sa dalgħodu laħqu ngħaddew il-voti, aktar minn 7 miljun persuna vvutaw kontra r-riformi kostituzzjonali li jrid il-President tal-Venezwela, Nicolas Maduro.
Dan wara li lbieraħ l-Oppożizzjoni organizzat elezzjoni mhux uffiċjali, wara li l-pajjiż ilu għal dawn l-aħħar xhur fi kriżi ekonomika, politika u kostituzzjonali.
Fil-Venezwela hemm 19.5 miljun votant reġistrat, u mis-7 miljuni li vvutaw 98% tagħhom m’approvawx ir-riformi tal-Gvern Soċjalist ta’ Maduro, kif ukoll sejħu għal elezzjoni qabel ma tispiċċa l-leġiżlatura fl-2019.
Sadanittant, Maduro sejjaħ għal elezzjoni fit-30 ta’ Lulju sabiex titwaqqaf assemblea ġdida, li se jkollha l-poter li tbiddel il-kostituzzjoni u tħoll xi istituzzjonijiet, iżda ħafna huma tal-fehma li din l-assemblea l-ġdida se ssir biex isservi lil Maduro biex twittilu t-triq għal dittatorjat.
Ilbieraħ persuna nqatlet fil-kapitali Caracas b’tiri hija u tistenna biex tivvota fl-elezzjoni.
L-infermiera, li għandha 61 sena, intlaqtet minn tiri sparati minn persuni fuq mutur li fetħu n-nar fuq il-kju jistenna biex jivvota.
Minn April sal-lum, mal-100 persuna mietu fi protesti kontra l-Gvern attwali.
Ilbieraħ ukoll, ġurnalist insteraq u ssawwat minn xi persuni.
Catia, fejn seħħ il-qtil, hija parti fqira tal-kapitali Caracas, u normalment dejjem kien hemm sapport għas-soċjaliżmu mibdi minn Hugo Chavez, u mtenni minn Maduro.