Fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ minn għoli f’Delimara

Aġġornat 12:03 PM
Ian Noel Pace

Read in English.

Raġel qed jissielet għal ħajtu li kienet qed isuq rota waqa’ minn għoli fiż-żona Ta’ Tliet Ħofriet fil-limiti ta’ Delimara.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma l-każ ma’ Newsbook.com.mt. Hu spjega li l-inċident seħħ għall-ħabta tad-9.30am. Aktar tard fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li r-raġel għandu 30 sena u residenti l-Fgura. Ir-raġel waqa’ madwar żewġ sulari.

Fuq il-post issejħu l-Pulizija, tim mediku mill-Isptar Mater Dei, il-Forzi Armati ta’ Malta u membri tal-Protezzjoni Ċivili. Dan hekk kif iċ-ċiklist waqa’ f’post fejn ma setax jintlaħaq. Hu ttella’ permezz ta’ ħelikopter u ngħata l-ewwel għajnuna fuq il-post. Hu mbagħad ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.

Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.