Isib ruħu f’diffikultà fil-baħar f’Għajn Tuffieħa

Aġġornat 09:22 PM

Raġel sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qed jgħum f’Għajn Tuffieħa.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma dan ma’ Newsbook.com.mt u spjega li l-każ seħħ fit-3.45pm f’Golden Bay. Fuq il-post issejħet ambulanza, ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u pulizija.

Il-kelliem spjega li r-raġel li ttella’ mill-baħar kien ta’ nazzjonalità Serbjana u għandu 23 sena. Hu kien se jittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, iżda ngħata l-assistenza medika li kellu bżonn u ma kienx hemm ħtieġa li jmur l-isptar.

Il-kelliem spjega li r-raġel ittella’ mill-baħar min-nies, u wara ngħata l-għajnuna mit-tim mediku li ġie permezz ta’ ambulanza.

Minkejja l-appelli tas-Superintendent tas-Saħħa Pubblika sabiex il-pubbliku jiċċelebra l-festi tar-Randan u l-Għid il-Kbir id-dar, jidher li huma għexieren dawk li qed jibqgħu joħorġu u jiffrekwentaw postijiet pubbliċi tat-tip. Sorsi minn fuq il-post qalu ma’ Newsbook.com.mt li fil-parkeġġ tal-bajja t’Għajn Tuffieħa hemm saħansitra karozzi pparkjati ħażin.