“Persuna qatt ma’ tista’ tkun offruta għall-bejgħ”

Il-Papa jilqa' delegazzjoni ta' nisa fil-Vatikan

“Persuna qatt ma’ tista’ tkun offruta għall-bejgħ”. Din id-dikjarazzjoni għamilha Papa Franġisku fl-introduzzjoni ta’ ktieb ġdid dwar it-traffikar uman, intitolat “Nisa Msallba. Is-saħta tat-traffikar uman”.  Il-ktieb li hu bit-Taljan inkiteb minn Dr Aldo Buonaiuto, saċerdot mill-Komunità Papa Ġwanni XXIII.

Fid-daħla tal-ktieb, Papa Franġisku jfakkar f’waħda mill-hekk imsejjħa “Żjarat tal-Ħniena” li kien għamel f’dar immexxija mill-Komunità Papa Ġwanni XXIII, għall-vittmi tat-traffikar uman. Qal li dakinhar “qatt ma ħsibt li se nsib nisa tant umiljati u muġugħa. Verament nisa msallba.”

Il-Papa ddeskriva kif qagħad jisma’ “l-istejjer umani ta’ qsim il-qalb ta’ dawn in-nisa sfortunati, uħud minnhom bit-tfal f’ħoġorhom”. Jgħid li wara ħass il-bżonn li “nitlob maħfra għat-torturi li għaddew minnhom minħabba l-klijenti tagħhom li ħafna minnhom isejjħu lilhom infushom insara”.

Salvataġġ u riabilitazzjoni

“Persuna qatt ma tista’ tkun offruta għall-bejgħ”, kiteb il-Papa. Hu jfaħħar dak li jsejjaħ “ix-xogħol prezzjuż u kuraġġjuż ta’ salvataġġ u riabilitazzjoni” li għamel l-awtur tal-ktieb, Fr. Aldo Buonaiuto, matul is-snin.

Skont Vatican News il-Papa wera li hu konxju tal-periklu tax-xogħol li jagħmel Fr Aldo, li ħafna drabi jġib ritaljazzjoni miċ-ċrieki tal-kriminalità li għalihom dawn in-nisa jfissru “sors ta’ profit illegali li ma jispiċċa qatt”.

Papa Franġisku wera t-tama tiegħu li dan il-ktieb jinqara minn ħafna. “Jekk irridu nikkumbattu l-esplojtazzjoni u l-umiljazzjoni tal-ħajjiet umani b’mod effettiv irridu ngħidu l-istejjer wara dawn in-numri li jixxukkjawk ta’ persuni traffikati,” kiteb il-Papa.

Prostituzzjoni u skjavitù      

“Il-korruzzjoni hi marda li ma tieqafx weħidha. Irridu nqajmu kuxjenza kemm individwalment kif ukoll kollettivament, inkluż fil-Knisja”, żied jikteb il-Papa.

Huwa jafferma li “kull forma ta’ prostituzzjoni twassal għal skjavitu, att kriminali, vizzju misħut li jikkonfondi l-imħabba mal-istint li jittortura mara bla difiża”.

Il-prostituzzjoni, żied jikteb, “hi ġerħa għall-kuxjenza kollettiva”. Qal li l-idea li mara tista’ tkun esplojtjata bħala oġġett li jintuża u jintrema hi problema patoloġika.

“Il-prostituzzjoni hi marda tal-umanità, mod żbaljat kif inħarsu lejn is-soċjetà”. Li neħilsu lil dawn l-iskjavi hu att ta’ ħniena u dover tan-nies kollha ta’ rieda tajba. Individwi u istituzzjonijiet ma jistgħux jibqgħu indifferenti quddiem il-karba ta’ dawn in-nies. Ħadd m’għandu jdawwar wiċċu u jaħsel idejh mid-demm innoċenti li qed jixtered fit-toroq tad-dinja”, temm jikteb Papa Franġisku.