Persuna minn kull 50 pożittiva għall-Covid-19 fl-Ingilterra

Read in English.

Fl-Ingilterra, persuna minn kull 50 kienet pożittiva għall-Covid-19 fil-ġimgħa li għaddiet, skont figuri ppublikati mill-Office for National Statistics.

Skont dawn il-figuri, madwar 1,122,000 persuna kienu pożittivi għall-Covid-19 fil-ġimgħa bejn is-27 ta’ Diċembru u t-2 ta’ Jannar.

Ir-Renju Unit qed jirraporta numri rekord ta’ każi Covid-19 f’dawn l-aħħar jiem, hekk kif qed jinfirex varjant ġdid tal-coronavirus li hu aktar kuntaġjuż minn varjanti preċedenti.

Ir-rata ta’ kontaġju tvarja skont ir-reġjun, bl-ogħla prevalenza ta’ Covid-19 ġo Londra.

  • Greater London – persuna minn kull 30 pożittiva
  • Southeast England, Eastern England, Northwest England – persuna minn kull 45
  • East Midlands – persuna minn kull 50
  • Northeast England – persuna minn kull 60
  • West Midlands, Yorkshire and the Humber – persuna minn kull 65

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson ikkwota dawn il-figuri it-Tnejn filgħaxija, hekk kif ħabbar it-tielet lockdown għall-Ingilterra.

Il-miżuri kontra l-Covid-19 fil-pajjiżi l-oħra li jagħmlu parti mir-Renju Unit – l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq – huma r-responsabbiltà tal-gvernijiet reġjonali tagħhom. Però l-Iskozja wkoll ħabbret lockdown li beda f’nofsillejl, filwaqt li Wales se ddewwem il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel.