Filmat: Ħaddiem imut f’sit ta’ kostruzzjoni f’Bormla

Aġġornat 07:35 AM

Iddeskrivewh bħala "bniedem kwiet u tal-affari tiegħu".

Read in English.

Ħaddiem tilef ħajtu filwaqt li ieħor jinsab fil-periklu tal-mewt hekk kif iġġarraf sit ta’ kostruzzjoni fi Sqaq l-Erwieħ f’Bormla. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-8am.

Kelliem għall-Pulizija fuq il-post tal-inċident qal ma’ Newsbook.com.mt li ġġarraf ċint meta fis-sit kien qed isir xogħol ta’ skavar u tqattigħ ta’ blat. Il-ħaddiem li tilef ħajtu huwa barrani mill-Gambja ta’ 32 sena. Il-ħaddiem l-ieħor li qed jissielet għal ħajtu huwa Malti ta’ 35 sena mill-Belt Valletta. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.

Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili ssejħu fuq il-post biex ineħħu t-terrapien ħalli jkun jista’ jinħareġ il-katavru tal-vittma. Ir-raġel iddaħħal fil-vann tal-mejtin tal-Pulizija ftit wara l-11am.

Malli semgħu bl-aħbar ġirien li jgħixu fl-inħawi bdew jiġru lejn djarhom biex jaraw jekk darhom hix affettwata. Patri li kien fl-inħawi talab lil kulħadd jiftakar fir-raġel li miet. “Kien ħaddiem bħalna jipprova jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum”.

Ġirien fuq il-post qalu li tista’ tgħid li “tiġi għax-xogħol u tispiċċa ma tmurx lura d-dar, għax tiġri xi traġedja”. Iddeskrivewh bħala “bniedem kwiet u tal-affari tiegħu”.

Il-Pulizija fuq il-post dehru jitkellmu ma’ ħaddiema oħra tal-kostruzzjoni.

Il-Maġistrat Charmaine Galea qed tmexxi l-inkjesta u ħatret diversi esperti biex jgħinuha.

Membri mid-Dipartiment tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol
u dawk mill-Building Regulation Office rrappurtaw ukoll fuq il-post tal-inċident.

Mewta oħra bla sens – Moviment Graffitti

“Din hija mewt oħra bla sens ta’ ħaddiem li dalgħodu ħareġ biex imur għax-xogħol, fejn probabbilment jitħallas salarju miżeru li kemm kemm jippermettilu jasal sal-aħħar tax-xahar. Nistaqsu ruħna jekk qatt se nkunu nafu x’jismu, jekk ħalliex familja warajh, u jekk hux se ssir ġustizzja għal din il-mewt,” qal il-grupp Moviment Graffitti fi stqarrija.

Il-Moviment Graffitti talab lill-Prim Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jiġi regolarizzat dan is-settur u sabiex tiġi introdotta leġiżlazzjoni sabiex jiġu protetti b’mod indaqs id-drittijiet tal-ħaddiema u r-residenti. Intant, il-grupp innota b’diżappunt li wara l-mewt ta’ Miriam Pace saru ħafna wegħdiet iżda minn dak iż-żmien ’l hawn ma ttieħdet ebda azzjoni, u wisq anqas saret ġustizzja.

Qal li din il-mewta ssegwi dik ta’ Miriam Pace ftit tax-xhur ilu, it-tiġrif ta’ bosta djar fis-sajf tal-2019, u numru kbir ta’ inċidenti f’siti ta’ kostruzzjoni, uħud minnhom fatali, tul is-snin li għaddew. Sostna li l-inċentivi tal-Gvern lill-industrija tal-kostruzzjoni sabiex jinxtara makkinarju ġdid huma manuvra insolenti. “Mhux biss intesa l-kunċett ta’ regolamenti aktar stretti, iżda l-gvern qiegħed effettivament juża l-fondi pubbliċi f’wirja xokkanti ta’ serviliżmu lejn lobby privata. Il-makkinarju għandu jiġi aġġornat fis-settur kollu bħala regola, u dan l-aġġornament għandu jiġi ffinanzjat mill-iżviluppaturi nnifishom u mhux mill-kontribwenti,” insista l-grupp.

L-OHSA qed tinvestiga l-inċident fatali

L-Occupational Health and Safety Authority (OHSA) qed tinvestiga l-inċident fatali ta’ dalgħodu f’Bormla. Fi stqarrija spjegat li skont l-investigazzjoni inizjali tagħha, ħareġ li l-inċident kien ikkawżat wara li waqa’ ħajt mibni temporanjament mal-fruntiera. Maġenbu kien qed isir jew sar xi xogħol ta’ skavar.

L-OHSA qalet li filwaqt li se tkompli bl-investigazzjonijiet tagħha u se tikkopera mal-inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Charmaine Galea, l-Aġenzija għall-Bini u l-Kostruzzjoni ntalbet tibda investigazzjoni min-naħa tagħha fejn jidħlu l-Avoidance of Damages to Third Party Property Regulations.

“L-industrija tal-kostruzzjoni hija mifnija b’nuqqasijiet sistemiċi u fundamentali” – Kamra tal-Periti

Min-naħa tagħha, il-Kamra tal-Periti qalet li d-dettalji tal-inċident għadhom qed jiġu stabbiliti, ħaġa waħda hija ċara: “l-industrija tal-kostruzzjoni hija mifnija b’nuqqasijiet sistemiċi u fundamentali li jridu jiġu indirizzati minnufih.”

Qalet li filwaqt li hija konxja dwar xogħol tal-Gvern matul l-aħħar xhur rigward abbozz ta’ liġijiet li għandhom iwasslu għal dan it-tibdil meħtieġ, huwa evidenti li n-nuqqas ta’ attenzjoni u riżorsi qed ixekklu b’mod gravi il-progress f’dan il-qasam. Spjegat li r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat li kien waqqaf il-Prim Ministru għadhom sal-lum mhux magħrufa, u minkejja diversi laqgħat twal ma’ stakeholders fl-industrija għadna ‘l bogħod biex naraw riżultati sinifikanti.
Qalet li din is-sitwazzjoni m’għadhiex tenibbli. Iktar dewmien m’għadux aċċettabbli.

Il-Kamra tal-Periti ħeġġet lill-Prim Ministru u l-Ministri responabbli minn din l-industrija fl-aspetti kollha tagħha sabiex iżżommu mal-impenn li daħal għalih il-Gvern f’Awwissu li għadda mingħajr iktar telf ta’ żmien. Insistiet li huwa inaċċettabli li pajjiż li jaspira li jipproġetta ruħu bħala “l-aqwa fl-Ewropa” jibqa’ kompjaċenti meta ffaċjat b’traġedji bħal dawn, li sfortunatament saru wisq komuni. “Il-pajjiż jixraqlu aħjar. Ma fadalx żmien għal iktar dewmien,” irrimarkat il-Kamra.