Min ma jemminx jista’ jidħol għal żwieġ sagramentali validu? – It-Tribunali b’seminar

Unsplash - Annie Theby
Alessandra Dee Crespo

Persuna li ma temminx tista’ tidħol għal żwieġ sagramentali validu? Din hi mistoqsija fundamentali li spiss tqum f’kuntest ta’ soċjetà li qed dejjem issir iktar sekolarizzata u fejn persuni jidħlu għal żwieġ Nisrani mingħajr ma jkunu neċessarjament iħaddnu u jgħixu l-fidi Nisranija. Għal dan l-għan, it-Tribunali Ekkleżjastiċi tal-Provinċja Maltija se jkollhom nofs ta’ nhar seminar ta’ aġġornament u formazzjoni għall-ħaddiema.

AQRA: Filmat: Jonqos ix-xogħol b’lura tat-Tribunali Ekkleżjastiċi

Is-seminar se jiġi indirizzat mill-Arċisqof Charles Scicluna u Mons. Joseph Bajada li huwa l-Vigarju Ġudizzjali tat-Tribunal tal-Appell. Il-kelliema prinċipali għal dan is-seminar se jkunu r-Rev. Mons. Professur Hector Scerri mill-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta u Rev. Mons. Anthony Gouder.

Din hi t-tieni sena li se jiġi organizzat is-seminar hekk kif dawn saru parti mill-iskeda regolari tat-Tribunali wara li nħass il-bżonn li jsir dan. Il-laqgħa hi opportunità għal dawk il-ħaddiema tat-Tribunal li huma involuti fil-kawżi tan-nullità taż-żwieġ bħal l-imħallfin, id-difensuri taż-żwieġ, il-kanċillieri, l-esperti psikoloġiċi u l-avukati kollaboraturi. Matul is-seminar li se jiġi organizzat il-Ġimgħa 31 ta’ Mejju dawn se jkollhom l-opportunità li jirriflettu dwar il-ħidma tagħhom u jaġġornaw ruħu bl-aktar żviluppi riċenti fir-riċerka fil-kamp taż-żwieġ u l-familja.

It-Tribunali Ekkleżjastiċi tal-Provinċja Maltija jikkonsistu fit-Tribunal Reġjonali tat-Tieni Istanza, it-Tribunal Metropolitan ta’ Malta u t-Tribunal Djoċesan ta’ Għawdex.  It-Tribunali Ekkleżjastiċi kienu jorganizzaw laqgħat simili fil-passat iżda kienu jsiru skont il-bżonn u kienu jiddiskutu kwistjonijiet kurrenti li jolqtu l-ħidma tat-Tribunali.

Mistiedna għal din il-laqgħa hemm ukoll persuni oħra li fi ħdan il-Knisja li jaħdmu fil-kamp tal-familja u ż-żwieġ, fosthom il-Moviment ta’ Kana u l-Fakultà tat-Teoloġija.