Il-persuna ma kinitx infettiva meta marret party nhar il-Ħadd – Il-Ministeru

Aġġornat 07:51 PM

Read in English.

Persuna li attendiet party nhar il-Ħadd li għadda f’The Rooftop f’Gianpula rriżulta li għandha l-coronavirus, iżda l-Ministeru tas-Saħħa kkjarifika li rriżulta li l-persuna ma kinitx infettiva meta attendiet dan il-party.

L-organizzaturi tal-party għamlu avviż fuq Facebook sabiex kull min attenda l-party imur jagħmel it-test tal-coronavirus.

Apparti dan, l-organizzaturi Indigo MT qalu li jinsabu f’kuntatt mal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex ikunu jafu għaliex ma bdewx il-proċeduri biex isir contact tracing. Il-kelliema tal-Ministeru qalet lil Newsbook.com.mt li l-contact tracing ma kienx meħtieġ ladarba l-persuna ma kinitx infettiva meta attendiet il-party.

Kull min attenda l-party kien imħeġġeġ iċempel fuq il-helpline 111 sabiex jibbukkja t-test tal-coronavirus.

Bl-10 każijiet li nstabu fl-aħħar 24 siegħa, issa Malta għandha total ta’ 150 każ attiv, sitta minnhom mill-festa ta’ Santa Venera. Mil-lum, daħlu fis-seħħ miżuri ta’ restrizzjonijiet għall-attivitajiet tal-massa billi l-każijiet żdiedu ġmielhom fl-aħħar jiem.