Aġġornata: Il-Qorti għax kellu x’jaqsam ma’ tfajla ta’ 14-il sena

Żgħażugħ ta’ 19-il sena ttella’ l-qorti aktar kmieni llum fuq akkuża li kellu x’jaqsam sesswalment ma tfajla taħt l-età. L-avukat difensur qal li kienet it-tfajla ta’ 14-il sena li nstigat din ir-relazzjoni u kienet taf sew li ż-żgħażugħ kien se jispiċċa fl-inkwiet. L-avukat qal li ż-żgħażugħ spiċċa biex waqa’ għat-tentazzjoni tat-tfajla.

L-Ispettur għall-prosekuzzjoni ikkonferma li kienet it-tfalja li bagħtet diversi messaġġi liż-żgħażugħ u qal ukoll li kienet biss okkażjoni waħda fejn iż-żgħażagħ kellhom x’jaqsmu sesswalment bejniethom. L-Ispettur tenna li missier it-tifla għamel rapport mal-Pulizija, fejn il-Pulizija intrabtet li tagħmel investigazzjoni u tressaq liż-żgħażugħ il-qorti.

Il-maġistrat laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li ma jagħmel ‘l ebda kuntatt mat-tfajla. Il-qorti ordnat ukoll li l-ismijiet taż-żgħażagħ ma jkunux imxandra.