Aġġornata: Għawdxi fil-periklu tal-mewt jittieħed Malta b’ħelikopter

Sewwieq ta' mutur minn Għawdex li jinsab fil-periklu tal-mewt ittieħed b’ħelikopter l-Isptar Mater Dei.
Dan wara li kien involut f'ħabta ma' karozza f'Għawdex.
L-inċident seħħ fi Triq l-Imġarr fir-Rabat, limiti tax-Xewkija.
Kelliema għall-Pulizija qalet ma' Newsbook.com.mt li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-5:15pm.
Il-mutur kien misjuq minn żagħżugħ ta' 22 sena mill-Għarb. Il-karozza kienet misjuqa minn raġel min-Nadur li għandu 66 sena.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li ż-żagħżugħ ittieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex però mbagħad ġie trasferit lejn Malta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.