Persuna fil-periklu tal-mewt wara argument f’San Pawl il-Baħar

Raġel sofra ġrieħi serji wara li kien involut f’argument f’residenza f’San Pawl il-Baħar.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li ġiet infurmata bil-każ għall-ħabta tat-3.15 ta’ waranofsinhar il-Ħamis. Il-każ seħħ f’residenza fi Triq Dawret San Pawl meta għal xi raġuni qam argument bejn tnejn jew tliet persuni.

Ambulanza ssejħet fuq il-post hekk kif waqt dan l-argument raġel sofra xi ġrieħi. Huwa ttieħed lejn l-isptar Mater Dei fejn iktar tard il-Pulizija kienet infurmata li r-raġel qiegħed isofri minn ġrieħi serji.

Il-Pulizija qalet ma’ Newsbook.com.mt li r-raġel huwa ta’ 49 sena mill-Pietà.

Il-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace ordnat li ssir inkjesta dwar il-każ u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

B’rabta mal-każ, il-Pulizija qed iżomm diversi persuni sabiex jgħinu bl-investigazzjoni.