Persuna f’ġimgħa l-Qorti dwar prostituzzjoni

F’dawn l-aħħar 5 snin, kien hemm 248 persuna li tressqet il-Qorti minħabba akkużi marbuta ma’ tlajjar għall-iskop ta’ prostituzzjoni, bi 895 akkuża bejniethom. Il-maġġoranza kbira ta’ dawn kienu nisa Maltin.

Dan ħareġ fir-risposta tal-Ministru għall-Intern Michael Farrugia għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.

30 minn dawn il-248 persuna kienu rġiel, u 218 kienu nisa, filwaqt li 229 kienu Maltin u 19-il persuna kienu barranin. Fl-istatistika ta’ kull sena, jidher li din is-sena s’issa hija dik bl-inqas rata ta’ persuni mressqa l-Qorti akkużati bi tlajjar ta’ prostituzzjoni, bi 3 nisa Maltin imressqa fuq dawn l-akkużi u l-ebda raġel u l-ebda barrani.

F’dawn l-aħħar 5 snin, kien hemm 37 każ ta’ persuna l-Qorti li tgħix billi tipprostitwixxi lil ħaddieħor, u dawn kienu 10 nisa u 27 raġel, li jinqasmu fi 22 Malti u 15-il persuna barranija. Il-kastigi jvarjaw bejn priġunerija, multa, sentenza sospiża, ordni ta’ protezzjoni u kien hemm saħansitra liberazzjoni.

Barra minn hekk, kien hemm ukoll 3 każijiet ta’ burdell li tressqu quddiem il-Qorti. Dawn seħħew kollha fl-2014, bl-akkużati jkunu kollha minn Marsalforn: raġel u 2 nisa f’każijiet separati.

Tul dawn is-snin, kien hemm 19-il każ fejn intalbet l-ordni tal-Kummissarju tal-Pulizija permezz ta’ prosekutur biex dar, ħanut, alloġġ, lukanda jew appartament privat jinżammu magħluqa sa mal-Qorti taqta’ sentenza relatata ma’ prostituzzjoni. Iżda kien hemm każ wieħed ta’ persuna li nstabet ħatja li ppermettiet li l-post tagħha jintuża għal skop ta’ prostituzzjoni. Kien hemm ukoll każ ieħor fejn dan ġara permezz ta’ kiri tal-post.

Qalb dawn il-mistoqsijiet parlamentari minn Karol Aquilina, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici wieġeb li fil-Qorti ta’ Malta u Għawdex ma tinżammx statistika fuq każijiet fejn il-Qorti tħassar il-liċenzja ta’ lukanda jew alloġġ.