Persuna barra mill-politika se tqassam nofs is-salajru tiegħi – Joseph Cuschieri

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Joseph Cuschieri, ħabbar li jekk jerġa’ jkun elett, se jwaqqaf Fondazzjoni li tieħu ħsieb tqassam nofs is-salajru tiegħu lill-għaqdiet u familji fil-bżonn.
Nhar il-Ħamis li għadda, Cuschieri ħabbar li jekk jerġa’ jkun elett MEP, se jagħti nofs is-salarju tiegħu għall-kawżi ġusti. Dan ifisser li fuq perjodu ta’ ħames snin, il-fond fi ħdan il-Fondazzjoni se jirċievi €186,000, jew €3,100 fix-xahar.
Fi stqarrija, Joseph Cuschieri ħabbar lill-Fondazzjoni se tkun immexija minn persuna li mhux involut “fil-poltika partiġjana, ta’ integrità, serjetà, u li tgawdi rispett mill-Maltin u l-Għawdxin kollha.”
Cuschieri qal li rċieva reazzjoni pożittiva minn numru ta’ għaqdiet, isituzzjonijiet u mill-pubbliku ġenerali. Kompla li dan jimlieh aktar bil-kuraġġ li jwettaq din l-inizjattiva.
Fl-aħħarnett reġa’ tenna li lest jirriżenja minn MEP jekk jonqos minn din il-wegħda.