Persekuzzjoni fuq it-twemmin Kristjan fil-Filippini

Isqof ewlieni fil-Filippini ddikjara li l-Knisja Kattolika, akkost ta’ kollox, se tkompli l-ġlieda tagħha kontra l-persekuzzjoni tat-twemmin Kristjan fil-pajjiż. Qal li l-insara huma mdorrija jkunu persegwitati u mhux se jaqtgħu qalbhom issa.
L-Isqof Socrates Villegas li hu president tal-Konferenza Episkopali fil-pajjiż qal li filwaqt li l-insara fil-Filippini m’humiex persegwitati, issa bdiet il-“persekuzzjoni tat-twemmin Kristjan”. Sostna li l-prinċipji li fuqhom hu bażat il-Kristjaneżmu qed ikunu attakkati.
Gruppi favur id-drittijiet umani jgħidu li madwar 8,000 persuna suspettati li huma traffikanti jew vittmi tad-droga inqatlu fl-aħħar disa’ xhur kemm il-Gvern ilu li ddikjara gwerra kontra d-drogi. Il-Gvern irid jerġa’ jintroduċi l-piena kapitali għal reati marbuta mad-droga – mossa li sabet oppożizzjoni kemm mill-Kattoliċi kif ukoll mill-Protestanti.
L-Isqof Villegas  qal li l-mexxejja tal-Knisja għandhom jilqgħu l-isfida tad-droga b’diversi modi, inkluż it-talb u mhux bil-qtil.  “Kristu iridna nopponu dak kollu li jmur kontra l-ħajja”.
Il-President tal-Filippini, Rodriguo Duterte ripetutament attakka l-mexxejja tal-Knisja Kattolika u jsostni li fit-30 sena li ġejjin il-Kattoliċiżmu jsir xi ħaġa tal-imgħoddi minħabba allegati abbużi minn Isqfijiet u saċerdoti.
Min-naħa tiegħu l-Isqof Villegas, bla ma semma ismijiet qal li hu jitlob għal dawk li qed jagħmlu x-xogħol tal-Knisja diffiċli u l-grazzja t’Alla għad tibdel il-fehma ta’ dawn in-nies. Il-mexxejja tal-Knisja ilhom żmien jesploraw modi ta’ kollaborazzjoni mal-Gvern tal-Filippini.  Villegas qal li issa saret slogan vojt l-għajta tal-Gvern li “għalkemm ma naqblux nistgħu naħdmu id f’id”.
Il-Knisja mhux se tagħlaq bibien. Dejjem se jkun hemm nuqqas ta’ ftehim imma l-Knsija taħseb u temmen li hemm aktar raġunijiet li dwarhom jista’ jkun hemm qbil u kollaborazzjoni.  Il-Knisja qed tkun attakkat għax qed isservi ta’ kumpass morali għas-soċjeta’ Filippina.