Permessi speċjali għal studenti fi kwarantina waqt l-eżamijiet tal-MATSEC u s-SEC

L-istudenti li se jinqabdu fi kwarantina fil-perjodu fejn se jkunu qed isiru l-eżamijiet tal-MATSEC u s-SEC se jingħataw permessi speċjali biex ikunu jistgħu javvanzaw fl-istudji tagħhom mingħajr dewmien żejjed.

Fi stqarrija, il-MATSEC spjegat li minbarra l-konċessjonijiet dwar id-dħul għal korsijiet f’Ottubru tal-2020, fid-dawl tas-sitwazzjoni kurrenti, l-Università qed tagħti aktar konċessjonijiet lill-istudenti li se jkunu fi kwarantina mandatorja f’Settembru tal-2020.

Dawn jinkludu:

  • Applikanti li jixtiequ jidħlu għall-korsijiet tal-Mediċina u l-Kirurġija, għad-Dentistrija jew korsijiet oħrajn b’numru limitat ta’ studenti se jingħataw l-opportunità li jagħmlu l-eżami fid-dar tagħhom taħt superviżjoni. Jekk iġibu r-rekwiżiti kollha neċessarji waqt is-sessjoni ta’ Settembru mela jitħallew jidħlu fil-kors bħala studenti regolari.
  • Applikanti li jixtiequ jidħlu għall-bqija tal-korsijiet undergraduate, se jitħallew jidħlu fil-kors preferut tagħhom f’Ottubru tal-2020 bħala studenti temporanji. Dan bil-kundizzjoni li jagħmlu l-eżamijiet tal-MATSEC sas-sessjoni ta’ Diċembru. Jekk jgħaddu mill-eżamijiet mela jitħallew ikomplu l-kors bħala studenti regolari. Jekk iġibu minn tal-inqas 36 punt, mela jitħallew ikomplu l-kors fuq probation sa tmiem is-sena. Jekk iġibu inqas minn 36 punt, mela jkollhom jitneħħew mill-kors.

Il-MATSEC spjegat li dawn il-konċessjonijiet japplikaw biss fil-każ ta’ kwaratina madatorja ta’ studenti skont kif ordnat mill-awtoritajiet tas-saħħa. Ma japplikawx għal studenti li jkunu ma jifilħux jew li jkunu assenti mill-eżamijiet tal-MATSEC ġal kwalunkwe raġuni oħra.

Ladarba l-istudenti jkunu informati bil-kwarantina madatorja, huma mitluba jinfurmaw b’mod immedjat lis-Support Unit tal-MATSEC billi jibagħtu email fuq matsec@um.edu.mt. Fl-email għandhom jinkludu kopja diġitali tad-dokument maħriġ mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Kien spjegat ukoll li minħabba li l-eżamijiet tas-SEC mhux se jkunu qed isiru f’Diċembru tal-2020, studenti li qed japplikaw biex jidħlu l-Junior College u se jkunu fi kwarantina mandatorja f’Settembru, se jitħallew jidħlu l-Junior College fuq probation sat-tmiem tas-sena akkademika.