Perkussjonisti barranin iħarrġu studenti Maltin

Studenti bejn il-11 u 12-il sena bdew sessjonijiet ta’ taħriġ fuq il-perkussjoni fil-proġett Ritmi-ka imtella’ mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Il-proġett jikkonsisti f’tliet sessjonijiet ta’ taħriġ fuq il-perkussjoni li matulhom studenti magħżula mill-iskejjel sekondarji ta’ Bormla u Ħal Qormi jibnu kompożizzjoni.
L-għan tal-proġett hu li jkattar fit-tfal ħiliet fil-komunikazzjoni, it-tfassil u t-tiswir ta’ proġett, filwaqt li jagħtihom l-opportunità li jesprimu l-personalità tagħhom quddiem il-pubbliku.
Is-sessjonijiet qed jitmexxew minn perkussjonisti li jdoqqu f’orkestri barranin u li jgħallmu f’akkademji u konservatorji f’Marsilja, Brussell u Amsterdam.
Il-Kompożizzjonijiet tal-istudenti se jittellgħu għall-pubbliku fi Pjazza Teatru Rjal nhar it-28 ta’ April.
Ritratti: Stefan Zammit