Periti jikkritikaw it-twaqqigħ ta’ parti mill-binja tas-Sea Malta

Il-Kamra tal-Periti kkundannat il-permess mogħti mill-Awtorità tal-Ippajanar biex titwaqqa’ parti sostanzjali mhux ħażin mill-bini tas-Sea Malta.
Ma’ Flimkien għal Ambjent Aħjar, il-Kamra tal-Periti talbet lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tikkjarfika fuq liema bażi ngħata dan il-permess.
L-istqarrija tisħaq li l-bini tas-Sea Malta u anke dak tal-Power Station tal-Marsa, kellu jkun skedat bħala binja bi stil modernist fin.
Jidher li l-Awtorità tal-Ippjanar ikkwotat l-Avviż Legali 258 tal-2002 li jippermetti lill-istess Awtorità biex tawtorizza xogħlijiet ta’ emerġenza biex jitranġa jew jitneħħa kwalunkwe periklu li jista’ jkun hemm f’binja.
Fi stqarrija, il-Kamra tal-Periti tisħaq li għandu jkun hemm stqarrija ċara dwar il-periklu u d-dettalji kollha tax-xogħlijiet li jkunu se jsiru.
Iżda, il-Periti saħqu li mkien, fir-rapport ippreżentat mill-konsulenti tal-applikant, ma kien hemm imniżżel li xi parti mill-binja tinsab fi stat ta’ periklu imminenti.
Ikkwotat rapporti fil-midja li qalu li x-xogħlijiet qed isiru biex jitneħħew strutturi perikuli, iżda sħaqet li dan mhux minnu. Apparti li fir-rapport imkien ma jissemmew dawn l-istrutturi, l-Avviż Legali jobbliga li jkun hemm spezzjoni dettaljata fuq is-sit min perit imqabbad apposta mill-Awtorità, iżda dan ma seħħx.
 “Dan mhux mod kif nitrattaw il-patrimonju modernist li dejjem qed jonqos,” saħqu l-Periti. Qalu li l-fatt li s-sit huwa parti mill-konċessjoni tal-menqa jispjega għalfejn l-istruttura kellha titqies bħala perikoluża.
“Ir-Real Estate hija aktar profittabbli mir-restawr tal-patrimonju,” ttemm tgħid l-istqarrija.