Perit u żewġ kuntratturi ħatja ta’ qtil involontarju fis-Seabank

Perit  u żewġ diretturi ta’ kumpanija ta’ kostruzzjoni nstabu ħatja ta’ qtil involontarju ta’ raġel Latvjan wara li waqgħu sulari fil-lukanda Seabank fl-2012.

Id-diretturi ta’ B&B Construction Limited, Etienne u Angelus Bartolo flimkien mal-perit Pierre Farrugia wieġbu mhux ħatja tal-qtil involontarju tar-raġel minħabba negliġenza.

Maksims Artamonovs kellu 27 sena u kien qed iżarma scaffolding fil-parkeġġ meta waqgħu żewġ sulari tal-lukanda Seabank fuqu.

Fil-Qorti l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech innutat li kien hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn il-perit li kien qed jagħti l-istruzzjonijiet permezz tal-imejls u l-kuntratturi. Dan wassal biex il-perit ma ċċertifikax l-istabbilità tal-binja.

Il-Qorti ddeċidiet li t-tlitt irġiel kkaġunaw il-mewt tar-raġel. L-akkużati ġew ikkundannati għal sentejn ħabs sospiżi b’erba’ snin. Il-Maġistrat appellat li wieħed għandu jiddistingwi l-irwolijiet u r-responsabilitajiet differenti fi proġetti ta’ skala kbira.