Periklu ta’ eskalazzjoni tal-ġlied fil-Libja

It-Turkija tgħid li ser tirritalja kull agressjoni li se jkollha fil-Libja

FILE PHOTO: Khalifa Haftar REUTERS/Costas Baltas

Read in English.

It-Turkija wissiet kontra kwalunkwe attakk li seta’ jsir fuq xi interessi tagħha ġewwa l-Libja mill-forzi ta’ Khalifa Haftar wara li l-Armata Nazzjonali Libjana tiegħu ħabbret theddida ta’ ritaljazzjoni għal xi ntoppi militari fejn kienu effettwati xi pożizzjonijiet Torok fil-pajjiż.

“F’każ li xi interessi Torok fil-Libja jinstabu fil-mira, dan ikollu konsegwenzi gravi,” qal il-kelliem għall-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin Tork Hami Aksoy. 

F’filmat li xxandar fuq il-meżżi soċjali, il-kap tal-qawwa ta’ l-ajru ta’ l-Armata Nazzjonali Libjana Saqer al-Jaroushi qal “Il-pożizzjonijiet u l-interessi kollha li t-Turkija għandha fl-ibliet kollha okkupati, se jkunu jinsabu fil-mira tagħna,” f’dik li huwa fisser bħala l-akbar operazzjoni ta’ l-ajru fl-istorja tal-Libja.

It-theddida ġiet fid-dawl tar-riskju li dejjem qed jikber ta’ esklazzjoni fil-Libja, fejn it-Turkija qed tiffavorixxi il-Gvern tal-Ftehim Nazzjonali (GNA) rikonoxxut internazzjonalment li jinsab f’kunflitt ma’ l-Armata Nazzjonali Libjana li sabet l-appoġġ tar-Russja, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Eġittu. 

It-Turkija din il-ġimgħa għenet lill-GNA jirbaħ bażi ta’ l-ajru importanti qrib Tripli, jirbaħ il-kontroll ta’ xi bliet fil-punent u jeqred diversi sistemi ta’ difiża mill-ajru li kienu qed ikunu megħjuna mir-Russja.

L-analisti issa qed jiddubitaw kemm l-Armata Nazzjonali Libjana se tibqa’ kapaċi ssostni l-attakk ta’ Haftar li jaħtaf ‘l Tripli mingħajr għajnuniet ġodda mingħand dawk li qed jgħinuh minn barra.

Nhar il-Ħamis, il-GNA u xi residenti lokali qalu li l-forzi kienu kisbu kontroll tar-raħal żgħir ta’ Asaba, mossa li mistennija tkompli tpoġġi iżjed pressjoni fuq l-akbar bażi li l- Armata Nazzjonali Libjana għad fadlilha qrib Tripli, il-belt ta’ Tarhouna.

Sors militari mill-LNA ċaħad li l-belt kienet inħatfet, u qal illi l-ġlied kien għadu għaddej. L-LNA qalet ukoll li nhar l-Erbgħa kienet se tirtira mill-front ta’ Tripli, iżda l-forsi tagħha kienu irtiraw biss minn ċerti postijiet filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-pożizzjonijiet tagħha baqgħu intatti.

Snin twal ta’ kunflitt diġa kkważaw ħafna tkissir fil-parti l-kbira tal-pajjiż, u l-attakk ta’ Haftar li issa ilu għaddej madwar sena sabiex jirbaħ ‘il Tripli wasslu għal xhur sħaħ ta’ bumbardamenti intensi taż-żoni residenzjali fil-kapitali Libjana.

Nhar it-Tlieta, il-mibgħuta tal-Ġnus Magħquda Stephanie Williams avżat li “l-ammont kbir ta’ armamenti, tagħmir u merċenarji li qed jiddaħħlu fil-pajjiż miż-żewġ naħat” mistennija “jintensifikaw, iwessgħu u jsaħħu” l-kunflitt. 

F’Moska, il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin qal li l-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Tork Mevlut Cavusoglu u dak Russu Sergei Lavrov tkellmu f’telefonata nhar il-Ħamis sabiex flimkien iwaqqfu l-attakki u jerġgħu jibdew il-proċess politiku.

L-isforzi għaż-żamma tal-paċi fil-Libja ftit kisbu progress u l-mibgħut speċjali tal-Ġnus Magħquda Ghassan Salame irriżenja f’Marzu mingħajr il-qbil dwar suċċessur.

Il-kunflitt tellef ħafna mill-ħidma kemm minn naħa tal-GNA u minn naħa ta’ l-amministrazzjoni rivali ibbażata f’Benghazi li qed tiggverna ż-żoni miżmuma mill-Armata Nazzjonali Libjana kontra l-pandemija tal-coronavirus u l-faċilitajiet mediċi kemm-il darba ntlaqtu mill-bumbardamenti.

Kemm il-GNA u l-amministrazzjoni f’Benghazi qed jaffaċċjaw ukoll diffikultajiet finanzjarji, fejn forzi bbażati fil-Lvant tal-Libja qed jimblukkaw l-esportazzjoni taż-żejt biex b’hekk il-bejgħ ta’ l-enerġija ilu wieqaf minn Jannar.