Periklu: Jgħaddu wires tad-dawl minn gallarija

L-Enemalta neħħiet kull periklu kkawżat minn wires tad-dawl mgħoddija b’mod illegali u perikoluż minn ġo gallarija fi Blata l-Bajda.
Dan ġie kkonfermat minn kelliem għall-Enemalta ma’ Newsbook.com.mt, li spjega kif wara li saru jafu b'din is-sitwazzjoni, it-tekniċi tal-Kumpanija marru fuq il-post immedjatament.
Kompla jgħid li l-wires tranġaw sabiex jaqblu mal-livelli tal-faċċata l-ġdida li nbniet fil-post.
Għaldaqstant qal li l-Enemalta ma ġietx infurmata qabel dwar ix-xogħlijiet li kien qed isir fuq il-post, minkejja li l-kumpanija qed toffri r-riżorsi kollha sabiex tassisti lil dawk kollha li jkollhom bżonn l-għajnuna. 
Ma’ Newsbook.com.mt, il-kelliem saħaq li l-Enemalta kontinwament tinvesti fil-manutenzjoni, it-tkabbir u t-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku madwar Malta u Għawdex, u għalhekk dawk kollha li jagħmlu xogħlijiet qrib tal-wires kif ukoll sistemi tad-distribuzzjoni tal-elettriku għandhom jitolbu l-assistenza tal-Enemalta.

Hu nsista li l-Enemalta tagħmel minn kollox sabiex malli tirċievi xi talba tagħti s-servizz mitlub minnha fl-inqas ħin possibli.
Dan wara li saru investimenti fit-taħriġ ta’ timijiet tekniċi apposta biex jagħtu għajnuna lill-klijenti 24 siegħa kuljum.
Fost is-servizzi li toffri l-Enemalta, hemm l-għażla li l-wires jinqalgħu minn mal-faċċata b’mod temporanju jew jitgħattew b’materjal apposta sabiex jonqos il-periklu li l-ħaddiema jintlaqtu waqt li jkun qed isir ix-xogħol b’konsegwenza li ssir ħsara fis-sistema jew inkella jweġġgħu serjament, kompla jgħid il-kelliem.
Jekk teħtieġ l-għajnuna tal-Enemalta fil-proġett tiegħek, tista’ tapplika għal wieħed mid-diversi servizzi li toffri mis-sit elettroniku jew billi ċċempel fuq 8007 2224.
Ritratt: Malta Diżastru Totali!