“Periklu fl-Imġarr”; “Se jittranġa fix-xhur li ġejjin”

Il-periklu f’parti mill-moll tal-Port tal-Imġarr, imsemmi fil-Parlament mid-deputat Nazzjonalista David Stellini se jibdew il-preparamenti biex jissewwa “fix-xhur li ġejjin”.
Id-deputat Għawdxi staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura biex jgħid x’xogħlijiet saru fil-parti tal-moll fejn hemm il-gabbani u ż-żona fejn jittrakka l-vapur bil-lejl sa fejn tittrakka l-Patrol Boat tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Stellini saħaq li surveyors tat-trasport sabu dabien fond diversi metri taħt dan il-moll filwaqt li sostna li dan huwa “riskju kbir” għall-ħajjiet tal-pubbliku, impjegati u anki l-ammont ta’ vetturi li jipparkjaw hemm f’każ li jċedi dan il-moll. 
Min-naħa tiegħu il-Ministru Ian Borg kkonferma li l-istħarriġ imsemmi fl-Imġarr sar minn Transport Malta bħala parti minn monitoraġġ tal-infrastruttura marittima iżda qal li d-disinn tat-tiswijiet għadhom qed isiru u għaldaqstant “il-preparamenti għal sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet” se toħroġ “fix-xhur li ġejjin”.
Stqarr ukoll li t-tiswijiet ta’ ħsarat u manutenzjoni fuq il-mollijiet ġenerali fl-Imġarr ammontaw għal €241,902.64. 
Qal ukoll li hu infurmat li m’hemmx ħsarat taħt dan il-moll “b’riskju imminenti” għall-pubbliku, impjegati jew vetturi li jipparkjaw hemm jew riskju li jċedi dan il-moll.