Periklu fit-triq għaċ-Ċirkewwa; “azzjoni f’waqtha”

Filwaqt li sal-bieraħ kien hemm toqba ġmielha ċ-Ċirkewwa, fit-triq li tagħti għall-vapur t’Għawdex, illum din tinsab irranġata.

Il-fotografu Għawdxi Daniel Cilia, minbarra li rrapporta mal-Pulizija, tella’ r-ritratti fuq il-midja soċjali. Ma’ Newsbook.com.mt huwa stqarr kemm il-midja soċjali huwa mezz b’saħħtu ħafna biex twassal messaġġ, għaliex l-awtoritajiet ħadu azzjoni minnufih. Minn naħa l-oħra, huwa spjega li kien irrapporta lill-Pulizija, iżda tella’ r-ritratti bħala assigurazzjoni li tittieħed azzjoni.

Ilbieraħ tella’ post fuq Facebook, fejn spjega li l-ġurnata ta’ qabel kien diġà nduna li t-tappiera qed tinqala’, u qal lil ħaddiem ta’ Transport Malta fiċ-Ċirkewwa. Minħabba dan, huwa poġġa dustbin blu ħdejn it-toqba biex sewwieqa jindunaw u ma jgħaddux minn fuqha bi żball, peress li setgħet tikkawża jew inċident serju, jew ħsara lill-karozza.

Fisser kif il-Ħadd stess ċempel l-Għassa taċ-Ċirkewwa u anke mar iħabbat il-bieb imma ma kellmu ħadd. Stqarr li kien ilbieraħ li l-Pulizija taċ-Ċirkewwa qalulu li għamlu rapport mal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma tlett ijiem qabel.

Daniel Cilia sostna ma’ Newsbook.com.mt li wara li tela’ l-post tiegħu fuq Facebook, l-awtoritajiet ħadu azzjoni immedjata. Dan għaliex sat-Tnejn filgħodu meta kien tiela’ Għawdex, it-toqba kienet hemm, iżda xħin reġa’ niżel lejn Malta, għall-ħabta tas-6.30pm, it-tappiera kienet lura f’postha, u tpoġġa barrier bid-dwal jixgħel fuqha.  Żied jgħid li x’aktarx illum se jissiġilawha sew.