Periklu fil-Portugall – pumpiera jiġġieldu kontra nirien

Ħaddiem tat-tifi tan-nar ta’ 21 sena tilef ħajtu f’inċident nhar is-Sibt filgħaxija matul ħidma biex jiġġieled kontra nirien fiż-żona, waqt li sebgħa persuni oħra sofrew ġrieħi, fosthom persuna ċivili.

“Nixtieq noffri kliem ta’ solidarjetà, ta’ kuraġġ u ta’ ringrazzjament lill-ħaddiema kollha tat-tifi tan-nar … għall-ħidma li jagħmlu għall-Portugall u għalina lkoll,” qal f’dikjarazzjoni l-Prim Ministru Antonio Costa.

Il-gvern tal-Portugall ħareġ ‘sitwazzjoni ta’ allarm’ għall-pajjiż kollu għal nhar it-Tnejn u t-Tlieta, biex b’hekk żied il-livell ta’ prontezza biex tittieħed azzjoni min-naħa tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar, il-pulizija u s-servizzi mediċi ta’ emerġenza. Il-persuni huma pprojbiti milli jixgħelu nirien u l-aċċess għall-foresti se jkun limitat.

It-temperaturi għolja huma mistennija li jkomplu, skont dikjarazzjoni ta’ IPMA, l-aġenzija meteoroloġika tal-pajjiż, u t-temperatura tad-distrett ta’ Castelo Branco, fejn jinsabu l-muniċipalitajiet affettwati, hija mistennija li titla’ għal 38 grad Celsius nhar it-Tnejn.

Luis Belo Costa, kmandant minn Castelo Branco, tkellem matul konferenza stampa u qal li diversi djar kienu f’riskju minħabba li n-nirien kienu qed jinfirxu viċin villaġġi iżolati.

Il-Ministru għall-Affarijiet Interni tal-Portugall, Eduardo Cabrita qal li l-pumpiera jistgħu jdumu sa nhar it-Tlieta jew l-Erbgħa biex jikkontrollaw in-nirien.

“Dan huwa nar tassew kbir, li diġà qed ikopri żona konsiderevoli,” qal Belo Costa.

In-nirien mhumiex kbar daqs dawk li kienu affetwaw ir-reġjun f’Ġunju tal-2017, meta kienu tilfu ħajjithom 66 persuna u ġew feruti aktar minn 250 persuna.

Data mill-Unjoni Ewropea turi li l-Portugall huwa wieħed mill-pajjiżi li jintlaqtu l-agħar min-nirien selvaġġi kull sena.

Waħda mir-raġunijiet ewlenin għal dawn in-nirien selvaġġi hija li partijiet miż-żoni interni tal-pajjiż huma diżabitati minħabba li n-nies tal-post marru jgħixu fl-ibliet jew barra l-pajjiż, u għalhekk mhux qed isir ix-xogħol ta’ tindif ta’ siġar u arbuxelli, li joħloq riskju ta’ nirien.