Periklu Etna: Il-vulkan nieżel fil-baħar

L-iktar vulkan attiv fl-Ewropa jinsab nieżel fil-baħar. Xjentisti stabbilew li l-bażi sħiħa tal-Etna, il-vulkan li jinsab fuq Sqalllija, jinsab nieżel fil-Baħar Mediterran.
Skont l-istudju ta' dawn ix-xjentisti mill-Ingilterra, il-vulkan miexi b'rata ta' 14mm kull sena. Għalkemm wieħed faċli jaħseb li dan hu numru relattivament żgħir, ix-xjentisti sostnew li l-vulkan jeħtieġ li jibqa' jiġi segwit u studjat b'reqqa kbira għax dan it-tibdil jista' jwassal għal periklu fuq l-Etna fil-futur qrib.
Ix-xjentisti ppubblikaw dan l-istudju fil-Bulettin tal-Vulkanoloġija.
Dr John Murray, ix-xjentist li qed imexxi dan l-istudju, qal li għalkemm m'hemmx għalfejn wieħed jallarma ruħu b'mod immedjat xorta hemm ħtieġa kbira li din is-sitwazzjoni tibqa' tiġi osservata mill-qrib, speċjalment biex jiġi nnutat jekk dan il-moviment hux se jżid fir-rata tiegħu.
Skont Murray, bażikamemt l-Etna tinsab nieżla bil-mod ħafna fuq niżla b'angolu minn 1 sa 3 gradi. Dan hu possibli għax l-Etna tinsab fuq pjattaforma dgħajfa u sedimenti rotob.
Għalkemm fil-verità biex il-vulkan jimxi aktar minn metru jridu jgħaddu aktar minn 100 sena, is-sitwazzjoni xorta hi perikoluża ħafna.
Dan hekk kif vulkani oħra madwar id-dinja li ġralhom l-istess spiċċaw ikkawżaw valangi katastrofiċi.