Perici Calascione jipproponi rwoli ġodda flok Assistent Segretarju Ġenerali

Il-Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione qed jipproponi li l-kariga tal-Assistent Segretarju Ġenerali tispiċċa, biex minfloku jkun hemm numru ta’ diretturi li jkollhom responsabbilitajiet diversi.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Belt Valletta, Perici Calascione qal li għandu jkun hemm direttur għall-Uffiċċju Informazzjoni, l-ELCOM, il-Kunsilli Lokali, il-Kumitat Sezzjonali u l-Loġistika u l-Attivitajiet.
Dwar il-Kumitati Sezzjonali, Alex Perici Calascione qal li dawn huma ħolqa bejn il-partit u l-komunità u għalhekk għandhom jiffukaw fuq l-aspett politiku.
Qal li b’dawn il-proposti qed juri li jrid li l-politika tal-Partit Nazzjonalista tibda taħdem minn isfel għal fuq, fejn l-ideat jaslu mingħand l-attivisti u l-membri tal-kumitati.
Fl-aħħar jiem, waqt diversi laqgħat fil-każini tal-Partit Nazzjonalista, Perici Calascione qal li jekk ikun elett Kap tal-PN irid idawwar lilu nnifsu b’nies aħjar minnu biex jieħu l-aħjar deċiżjonijiet.
Insista li fil-Partit hemm ħafna elementi tajbin u li hemm bżonn li dan jissaħħaħ, iżda saħaq li fejn hemm bżonn tibdil dan  għandu jsir minnufih u mingħajr biża.