Perici Calascione jingħaqad fit-tiġrija għal Kap tal-PN

It-Teżorier tal-Partit Nazzjonalista, Alex Perici Calascione, ikkonferma dalgħodu li se jkun qed jitfa’ n-nomina għal kap tal-partit.
Perici Calascione kiteb fuq Facebook li fil-jiem li ġejjin se jkun qed jippreżenta n-nomina tiegħu għall-elezzjoni fi ħdan il-partit.
Huwa kiteb li dan se jagħmlu b'responsabbiltà, b'umiltà u b'determinazzjoni qawwija u ġenwina sabiex jerġa’ jagħmel lill-PN id-dar naturali tal-Maltin u l-Għawdxin.
It-teżorier, li kien ħabbar li se jirriżenja minn dil-kariga, kompla jikteb li kull individwu ta' rieda tajba, kull attivist, voluntier, tesserat, membru ta' kumitat, kunsillier, kandidat, uffiċjal u deputat fi ħdan dan il-PN, li jiddeskrivih bħala “partit kbir”, għandu sehem uniku x’jagħti.
Sa issa l-eks-Segretarju Ġenerali tal-PN, Chris Said, u l-avukat Adrian Delia kkonfermaw il-kontendenza tagħhom.
Persuni oħra msemmija li jistgħu jitfgħu n-nomina tagħhom, li għadhom iżda ma kkonfermawx, huma l-Membru Parlamentari Claudio Grech li qal li se jkun qed jiddeċiedi x’jagħmel fil-jiem li ġejjin, u l-Ewroparlamentari Roberta Metsola, li qalet li lesta li sservi lill-partit meta jkun hemm bżonn.
Magħhom jingħaqad ukoll David Thake, li kien kiteb li jitfa’ n-nomina tiegħu jekk skontu dawk li jkunu diġà kkonfermaw ma jkunux tal-istoffa li għandu bżonn bħalissa l-partit.
Ritratt: Facebook