Perici Calascione bi proposti strateġiċi “għal partit rebbieħ”

Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione ħabbar aktar proposti strateġiċi biex fi kliemu l-PN ikun “Partit Rebbieħ”.
Perici Calascione qal li għandu jkun hemm uffiċċju tal-kampanja fi ħdan il-partit li jkun iffukat biss fuq l-istrateġija tal-PN. Kompla jgħid li l-istess uffiċċju għandu jkun responsabbli mit-tmexxija tat-tim tal-istrateġija kif ukoll mill-proċess tas-servejs.
Il-kandidat spjega li b’hekk, l-aħħar perjodi tal-kampanja elettorali jkunu biss kontinwazzjoni naturali u tisħiħ ta’ dak li jkun diġà sar. Sostna li l-istrateġija politika għandha sservi l-elezzjonijiet kollha inklużi dawk lokali u Ewropej.
Dwar l-uffiċċju tal-ELCOM tal-PN, Alex Perici Calascione jħoss li għandu jissaħħaħ biex ikun f’pożizzjoni li jaħdem aħjar u bl-istess intensità matul l-leġiżlatura kollha.