Peppa Pig għandha sid ġdid

Ritratt: Entertainment One

Hasbro, il-kumpanija Amerikana li tagħmel il-ġugarelli, se takkwista lil Entertainment One, il-kumpanija li Peppa Pig qiegħda magħha, għall-prezz ta’ $4 biljun. Hasbro qalu li b’hekk sejrin ikabbru n-negozju tagħhom fejn jidħol id-divertiment u fejn ikun hemm stejjer addattati għall-familja.

Dan ix-xiri jkompli jżid mal-kullana ta’ kumpaniji Ingliżi li qed jinxtraw mill-barranin, fosthom il-ħwienet tax-xorb Greene King li nxtrat għal $5.61 biljun.

Iż-żewġ kumpaniji qalu li bis-saħħa ta’ Hasbro, issa l-Entertainment One jieħdu dik il-qabża biex il-prodotti tagħha jsiru jappellaw aktar għall-gamers, il-fans u għat-TVs fejn jintwerew programmi għall-familji.

Ritratt: Entertainment One

Hasbro hi kumpanija ġganteska fejn jidħlu l-ġugarelli u fost il-logħob li għandhom magħruf fuq ix-xena internazzjonali hemm My Little Pony, il-logħob kollu tat-Transformers kif ukoll il-Monopoly.

Min-naħa tagħhom Entertainment One jagħmlu serje ta’ films b’suġġetti differenti fosthom tal-cartoon ta’ Peppa Pig li għandu udjenza ta’ miljuni ta’ segwaċi.

Dan il-cartoon li hu maħsub għal tfal żgħar jixxandar f’aktar minn 180 pajjiż u hu tradott f’aktar minn 40 lingwa. Iċ-Ċina hu popolari mmens fejn kellu aktar minn 34 biljun view.