Pembroke: “Il-Gvern messu jieqaf jitfa’ r-responsabbiltà fuq il-PA” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern imissu jieqaf jitfa’ r-responsabbiltà fuq l-Awtorità tal-Ippjanar meta jaf li jista’ jieħu r-riedni f’idejh u jwaqqaf l-iżvilupp tal-iskola f’Pembroke.
Karol Aquilina, il-kelliem tal-PN għall-Iżvilupp, qal fi stqarrija li dan huwa inaċċettabbli.
Fakkar li kien il-Ministru tal-Edukazzjoni li nnegozja l-art pubblika, iżda issa għandek sitwazzjoni fejn il-Ministru tal-Ambjent ta x’jifhem li ma jaqbilx ma’ dan l-iżvilupp.
Il-Ministru José Herrera attenda għall-protesta li saret ilbiraħtlula f’Pembroke mir-residenti u entitajiet oħra kontra l-proġett.
Aqulina saħaq li Herrera jaf li bħala sid tal-art, il-Gvern ma jista’ bl-ebda mod jiġi mġiegħel iċedi l-art biex fuqha jsir żvilupp minn terzi.
Fl-istess ħin talab lill-Ministru Evarist Bartolo jispjega l-ftehim tal-art u jekk kienx ġie diskuss u approvat mill-Kabinett.
Finalment, l-Oppiżizzjoni insistiet li l-Gvern jistqarr b’mod ċar jekk hux beħsiebu jibqa’ għaddej bl-għoti ta’ art pubblika biex fuqha tinbena skola oħra f’Pembroke.
"Il-logħob għall-gallarija ma jimpressjona lil ħadd"
Il-Partit Laburista qal fi stqarrija b'reazzjoni għal dak li qal Karol Aqulina, li jkun aħjar li l-PN jiddikjara x'inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar is-suġġett.
Wissa sabiex il-PN ma joqgħodx iġiegħel lill-Gvern jindaħal fi proċessi ta’ awtoritajiet indipendenti, filwaqt li fakkar li ħadd mill-PN ma kien preżenti waqt il-protesta li saret.
Ritratt: Leon Xuereb