Pellegrinaġġ Parrokkjali f’Birkirkara

Nhar il-Ħadd 19 ta’ Lulju 2020, fil-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem Birkirkara ser isir pellegrinaġġ storiku bil-vari ta’ San Ġużepp Ħaddiem u l-Madonna tal-Karmnu.

Il-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem tiġi ċċelebrata ta’ kull sena fl-1 ta’ Mejju, fil-Knisja Parrokkjali ddedikata lill-istess qaddis, iżda din is-sena kellha tiġi kanċellata minħabba l-pandemija Covid-19. Min-naħa l-oħra, il-festa tal-Madonna tal-Karmnu tiġi ċċelebrata fis-Santwarju ta’ Santa Tereża fit-tielet Ħadd ta’ Lulju.

Wara li ġew rilaxxati xi miżuri li kienu ttieħdu minħabba l-pandemija, u wara li l-Arċidjoċesi tat permess li jsiru pellegrinaġġi ta’ radd il-ħajr bil-vari meqjuma fil-knejjes, il-Presbiterju Parrokkjali tal-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem u l-Patrijiet Karmelitani-Skalzi li jmexxu s-Santwarju Santa Tereża, qablu li din is-sena jsir pellegrinaġġ wieħed nhar il-Ħadd 19 ta’ Lulju, biż-żewġ vari ewlenin ta’ dawn iż-żewġ tempji, biex ibierku t-toroq u l-familji tal-Parroċċa.
Il-programm kollu huwa kif ġej:

Fil-Knisja Parrokkjali San Ġużepp Ħaddiem

11:00am – Quddiesa solenni ta’ radd il-ħajr, immexxija mis-saċerdot novell Fr Jake Mamo SDB, iben il-Parroċċa tagħna.

6:00pm – Talba tal-Għasar fil-Knisja Parrokkjali.

6:30pm – Ħruġ tal-pellegrinaġġ bil-vara ta’ San Ġużepp Ħaddiem mill-Knisja Parrokkjali, akkumpanjat minn talb u riflessjonijiet, bis-sehem tal-Kleru u fratelli. Jgħaddi minn Triq Bwieraq, Triq il-Fuħħarin għal Triq in-Naxxar.

Fis-Santwarju ta’ Santa Tereża

10:00am – Quddiesa solenni tal-festa, immexxija mill-Provinċjal tal-Patrijiet Karmelitani-Skalzi, P. Juan Debono OCD.

5:45pm – Quddiesa

6:30pm – Jibda pellegrinaġġ ta’ radd il-ħajr b’talb u kant marjan, bil-vara devota tal-Madonna tal-Karmnu, u bis-sehem tad-devoti u l-membri tal-Ordni Sekulari. Jgħaddi minn Triq il-Wied u jdur għal Triq il-Papa Urbanu VIII, sal-kantuniera ma’ Triq in-Naxxar

Pellegrinaġġ Parrokkjali bit-talb u l-vari tal-Madonna tal-Karmnu u ta’ San Ġużepp Ħaddiem fi Triq in-Naxxar, akkumpanjati mill-Kleru tal-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem, il-Patrijiet Karmelitani-Skalzi, u nies, li jimxu Triq in-Naxxar sa Triq il-Karmnu. Il-Pellegrinaġġ bil-vara tal-Madonna tal-Karmnu jdur imbagħad għal Triq il-Wied u ta’ San Ġużepp Ħaddiem ikompli għal Triq il-Karmnu u Triq Bwieraq.

Mad-dħul tal-pellegrinaġġi rispettivi tingħata l-Barka Sagramentali.

Id-dettalji kollha jinsabu fil-poster mehmuż. Napprezzaw kull pubbliċità li tista’ tingħata lil din iċ-ċelebrazzjoni storika.