Pedro Lopez de Haro u Tara Abdilla jirbħu s-serje tal-5K Road Running

It-tielet u l-aħħar tellieqa tal-Eurosport BSJ 5k Road Running Series saret fl-Imtarfa. Is-serje ġiet organizzata mill-Birkirkara St. Joseph Sports Club u miżmuma taħt l-awspiċji tal-Malta Amateur Athletics Association. Minkejja li dawn it-tlielaq huma kkaratterizzati minn kundizzjonijiet ta’sħana, is-Serje li tikkonsisti fl-tlett tlielaq, xorta żammet il-popolarità tagħha.

Fil-Kategorija tal-Irġiel, għal darb’oħra Pedro Lopez de Haro wera il-kapaċita tiegħu. Lopez de Haro kellu sfida tajba minn Simon Spiteri, li b’konsistenza kien warajh tul is-Serje kollha. Fl-aħħar tellieqa, Shaun Galea irnexxielu jidħol fit-tielet post wara Lopez de Haro u Spiteri rispettivament.

Iżda fil-klassifika ġenerali, kien Mark Herrera li kiseb it-tielet post. Fil-Kategorija tan-Nisa, Tara Abdilla issiġillat rebħa oħra. Abdilla għelbet l-isfida offruta minn Joelle Cortis, kif ukoll minn Margaret Seguna. Il-podju tas-Serje  intrebaħ minn Abdilla, u fit-tieni u t-tielet post ġew Seguna u Celine Pace rispettivament.

Il-Midalji u trofej ġew ippreżentati lir-rebbieħa tat-tellieqa mill-President ta’ Birkirkara St. Joseph Sports Club, is-Sur Raymond Grech, waqt li r-rebbieħa tas-Serje ġew ippreżentati bit-trofej mis-Sur Edwin Attard, President tal-Malta Amateur Athletics Association. L-avveniment li jmiss tal-atletika tal-Klabb se jkun il-Eurosport Malta International Challenge Marathon li se ssir bejn it-22 u l-24 ta’ Novembru.