Pedofelija: 108 arrestati fil-Brażil fl-akbar operazzjoni tat-tip tagħha

Pulizija rtirati, uffiċjali ċivili u persuni f’mixtliet tal-futbol (nurseries) huma fost il-108 persuni li nqabdu fil-Brażil fl-akbar operazzjoni li qatt saret fl-Amerika Latina kontra l-pedofelija.
Daw is-suspettati kienu parti minn kriminalità organizzata li kienu jxerrdu bejniethom ritratti pornografiċi ta’ tfal f’dik il-parti tal-internet li tissejjaħ il-web is-sewda, jiġifieri dik il-biċċa mill-internet li ma tintlaħaqx minn programmi ta’ tiftix fuq l-internet.
Is-suspettati ġew arrestati madwar 24 stat fil-Brażil, u l-investigaturi sabu madwar 150,000 ritratt b’xeni disturbanti.
L-operazzjoni ħadet madwar 6 xhur, u mal-Pulizija Brażiljana kien hemm ukoll uffiċjali tal-immigrazzjoni mill-Istati Uniti u l-Ewropa.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Torquato Jardim, qal li dawn il-persuni kienu qed jużaw teknika sofistikata biex jevitaw lill-Pulizija,  fost l-oħrajn kienu jaħżnu r-ritratti tagħhom f’kompjuters ta’ persuni oħrajn, anki barra l-pajjiż, u dawn il-persuni lanqas biss kienu jkunu jafu.
Oriġinarjament l-għan ta’ dil-missjoni kienet immirata lejn persuni li jiċċirkolaw materjal pornografiku ta’ tfal, iżda wara aktar tfitix irriżulta li dawn il-persuni kienu wkoll qed iwettqu l-pornografika ma’ tfal biex jgħadduha lil siti pornografiċi.
Xi ritratti kien fihom ukoll trabi jew tfal żgħar ħafna, u wħud mit-tfal meta mistoqsija mill-Pulizija akkużaw ’l ommhom u ’l missierhom stess.
Għadu mhux magħruf dan iċ-ċirku ta’ kriminali kellux rabtiet ma’ ċrieki oħra barra mill-Brażil.