​PE: Nuqqas ta’ progress dwar Brexit

Għad m’hemmx biżżejjed progress biex jinfetħu d-diskussjonijiet dwar relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u r-Renju Unit skont l-Uffiċju tal-Parlament Ewropew fil-Belt Valletta.
Skont l-istess uffiċju, il-mexxejja tal-Gvernijiet tas-27 stat membru għandhom jipposponu l-valutazzjoni tagħhom tal-20 ta’ Ottubru dwar il-Brexit. Skont riżoluzzjoni li ġiet addottata nhar it-Tlieta, għad ma sarx “progress suffiċjenti” fuq it-tliet prijoritajiet dment li l-ħames round tan-negozjati ma jwassalx għal progress sinifikanti.
Filwaqt li l-kjarifiki tal-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May ġew milqugħa mill-Membri Parlamentari Ewropej (MPEs), dawn qed jistennew li l-Gvern tar-Renju Unit jippreżenta proposti speċifiċi. Dawn jinkludu proposti dwar drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u l-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit.
Il-mozzjoni, imfassla mill-grupp ta’ tmexxija dwar il-Brexit tal-Parlament, ġiet diskussa mal-President tal-Kummissjoni Juncker u n-negozjatur ewlieni dwar il-Brexit Michel Barnier nhar it-Tlieta 3 ta’ Ottubru.
Alfred Sant jastjeni
Il-Parlament Ewropew għandu l-ewwel jidentifika l-problemi li jinħolqu bil-Brexit u li jaffettwaw liċ-ċittadini tul l-UE, inkluż f’Malta, u mbagħad jiddiskuti s-soluzzjonijiet għall-problemi identifikati. Dan qalu l-MPE Alfred Sant meta spjega lill-PE għalfejn astjena fir-riżoluzzjoni dwar l-istat tan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit.
Stqarrija ta’ Marlene Mizzi
L-MPE Marlene Mizzi ħadet pożizzjoni soda dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fin-negozjati tal-Brexit mar-Renju Unit.
“Hemm aktar minn tliet miljun ċittadin tal-UE residenti fir-Renju Unit, inklużi ħafna Maltin, u aktar minn miljun ċittadin tal-UE tar-Renju Unit residenti fl-UE. Huma qegħdin jistaqsu l-istess mistoqsija: X’se jsir minni, mill-familja, l-impjieg, in-negozju, l-istudji tiegħi wara li jiġi ffinalizzat il-Brexit?” qalet l-MPE Mizzi fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
Ir-riżoluzzjoni għaddiet b’557 vot favur, 92 kontra u 29 astensjoni.
Theresa May
Waqt attività politika separata, Theresa May insistiet li r-Renju Unit se jitlaq mill-UE f’Marzu tal-2019. Qalet li l-Gvern tagħha jixtieq li jkollu forma ta’ sħubija mal-UE però se jipprepara għal kull eventwalità.