PD: 5 raġunijiet li l-ftehim għall-għalliema se jitfagħhom lura

Il-Partit Demokratiku saħaq li l-ftehim settorjali ġdid għall-għalliema mistenni jagħmel il-ħajja tal-istess għalliema iktar diffiċli.
Fi stqarrija, il-Partit tal-Oranġjo semma kif l-akbar żewġ problemi li kellhom l-għalliema qabel ma bdew in-negozjati se jmorru għall-agħar flok għall-aħjar.
Dan b’referenza għall-ammont kbir ta’ xogħol amministrattiv li kien qed iħalli effett negattiv fuq il-proċess tat-tagħlim, u l-imġiba ħażina tal-istudenti.
Il-PD kompla billi ħejja lista ta’ ħames raġunijiet għaliex ma jaqbilx mal-ftehim il-ġdid għall-għalliema:

  1. Hemm numru ta’ punti fil-ftehim li juru li l-għalliema se jiżdidilhom ix-xogħol amministrattiv li issa se jkun qed jinkludi l-implimentazzjoni tal-Learning Outcome Frameworks, ir-reviżjoni tas-sillabi, tliet settijiet ta’ assessjar kif ukoll żieda fix-xogħol diġitali.
  2. L-ebda referenza għall-miżuri li ttieħdu sabiex itejbu l-imġiba tal-istudenti u jgħinu lill-għalliema jħossuhom siguri fil-post tax-xogħol tagħhom.
  3. Minkejja li ż-żieda fil-paga tidher sostanzjali, il-maġġoranza tagħha ġejja mill-ftehim kollettiv u mhux mill-ftehim settorjali. Jgħidu wkoll li parti miż-żieda tkopri ż-żieda fir-riżorsi tal-għalliema li bosta għalliema kienu jispiċċaw iħallsu minn buthom stess.
  4. Jemmnu li l-għalliema ma ġewx ikkonsultati kif suppost, jew mogħtija ċ-ċans jikkummentaw u jivvutaw fuq il-ftehim. Jgħidu wkoll li l-istħarriġ li ngħataw dawn l-għalliema kien jinkludi ammont ta’ dikjarazzjonijiet li ma kinux ċari u kienu jagħtu biss ħjiel għal x’jinkludi l-ftehim.
  5. L-għalliema kellhom jgħaddu minn umiljazzjoni kbira minħabba li tħallew jistennew fl-għama filwaqt li l-ftehim tagħhom ġie mikxuf mal-midja qabel ma kellhom ċans jarawh. 

Fl-istess stqarrija, il-PD ifakkar lill-Gvern kif fil-baġit li għadda saħaq li kien hemm surplus. Il-PD ikompli jgħid li parti minn dan is-surplus jista’ jiġi ddedikat sabiex tittejjeb is-sistema edukattiva lokali u tiġi aktar attraenti għal min jixtieq isir għalliem.