PBS joffri programm lil Saviour Balzan flok il-programm ta’ Norman Vella

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-editur maniġerjali tal-Mediatoday, Saviour Balzan, ġie offrut imexxi programm fuq TVM, li se jiehu post il-programm ta Norman Vella 'TVHEMM'.

Dan ġie kkonfermat minn Balzan innifsu, li mistoqsi minn Newsbook.com.mt qal li s'issa għadu ma ħax deċiżjoni.

Hu mifhum li minn Ottubru li ġej mit-Tnejn sal-Ġimgħa qabel l-aħbarijiet, minflok TVHEMM li kien immexxi minn Norman Vella, se jkun hemm programm ta’ ġrajjiet kurrenti li kuljum se jitmexxa minn preżentaturi differenti.

Fost il-preżentaturi qed jissemmew: Saviour Balzan(MediaToday), Herman Grech (Times of Malta), Andrew Azzopardi (lekċerer l-Università) u Reno Bugeja (Kap Taqsima Aħbarijiet PBS).  Jidher li ġurnalisti differenti ta’ TVM se jkunu qed imexxu programm fil-ġimgħa.

Dr Andrew Azzopardi ma xtaqx jikkummenta dwar jekk hux minnu li se jkun qed jippreżenta programm ta’ diskussjoni fuq TVM.  Min-naħa l-oħra Herman Grech, wieġeb li l-kumpanija għad m’għandiex konferma għall-proposti li resqet.

Mistoqsi dwar l-iskeda l-ġdida, il-Kap Eżekuttiv tal-PBS, Anton Attard qal biss li l-lista tal-programmi li se jibdew f’Ottubru se titħabbar il-Ġimgħa 6 ta’ Settembru li ġej.

Dwar programmi bħal Xarabank, li għadu kemm ġie kkonfermat bħala l-aktar prorgamm segwit f’Malta u Għawdex, u li sa issa ma ġiex ikkonfermat fuq PBS, Anton Attard wieġeb li “ma tistax tagħlaq il-kuntratti kollha fl-istess ġurnata”.

Sorsi qalu li minkejja għad m’hemm xejn ikkonfermat, jidher li hemm interess fil-programmi tal-Where’s Everybody bħal: Xarabank, Bijografiji u Ħadd Għalik.