Pazjenti tal-Multiple Sclerosis ikollhom jieħdu injezzjoni skaduta

Pazjenti li jbatu mill-kundizzjoni ta’ Multiple Sclerosis jinsabu urtati għax l-injezzjoni Extavia, li huma jieħdu ġurnata iva u l-oħra le, tinsab out-of-stock.
Pazjent li tkellem ma’ Newsbook.com.mt spjega kif l-injezzjoni tingħata b’xejn mill-Gvern lil dawk li jbatu mill-kundizzjoni.
Żied li ftit jiem ilu, bħal ma jagħmel is-soltu, mar l-ispiżerija biex jiġbor l-injezzjoni għax-xahrejn li ġejjin, iżda l-ispiżjar qallu li l-mediċina tinsab out-of-stock.
Il-pazjent spjega li din il-mediċina ma tistax tinxtara b’mod ieħor u tista’ tinkiseb biss bl-iskema l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek.
Pazjenti oħra li jbatu minn din il-kundizzjoni kkonfermaw li għandhom l-istess problema bil-mediċina.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li fl-ispiżerija tal-Isptar Mater Dei hemm stock żgħir tal-injezzjoni Extavia iżda dan jista’ jingħata biss lill-pazjenti li jkunu rikoverati fl-Isptar.
Intant mal-pazjent, is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne spjega li l-kumpanija li tipprovdi din il-mediċina qalet li l-mediċina tista’ tintuża sa għoxrin ġurnata mid-data li hemm imniżżel fuqha. Jiġifieri għalkemm tiskadi fil-31 ta’ Awwissu, tista’ tintuża sal-20 ta’ Settembru.
Ta kelmtu li sal-aħħar ta’ dan ix-xahar il-mediċina se tkun fl-istock.
Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet ta’ kjarifika lis-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa.