Pazjenti Maltin bi trapjanti b’għajnuna mill-Italja

Permezz ta’ ftehim ġdid, pazjenti Maltin f’każijiet ta’ trapjanti tal-pulmun, fwied jew tal-kliewi se jkunu qed jingħataw kura f’ċentri speċjalizzati fl-Italja.

Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li l-ftehim ġie ffirmat din il-ġimgħa flimkien mal-Istituto Mediterraneo per i trapianti e terapie ad alta specilalizzazione (ISMETT).

Skont il-Ministeru, “matul is-snin li għaddew kien hemm erba’ Maltin li saritilhom operazzjoni għal trapjant tal-pulmun fiċ-ċentru tal-ISMETT f’Palermo. Permezz tal-ftehim iffirmat, din il-ġimgħa l-ISMETT se jkun qiegħed jassisti pazjenti Maltin f’każijiet ta’ trapjanti tal-pulmun, trapjanti tal-fwied, u trapjanti tal-kliewi.”

Il-ftehim iffirmat jitratta wkoll taħriġ speċjalizzat għal professjonisti Maltin f’diversi oqsma, fosthom dak tal-implantazzjoni tal-qalb, tal-kliewi u l-frixa.