Pazjenti li qed jistennew ir-riżultati tat-test tal-coronavirus fi swali ma’ oħrajn – MUMN

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel Maltin (MUMN) qalet li l-infermiera li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei infurmawha li ċerti pazjenti li qed jistennew ir-riżultati għat-test tal-coronavirus qed jitqiegħdu fi swali ma’ pazjenti oħrajn.

Peress li l-infermiera ma kinux infurmati li pazjenti bħal dawn kienu għamlu t-test għall-coronavirus u kienu qegħdin jistennew ir-riżultat, dawn tqiegħdu ħdejn pazjenti oħra. L-infermiera ma kinux lebsin apparat apposta ta’ protezzjoni.

Meta l-infermiera qalu lill-Infermiera tal-Kontroll tal-Infezzjonijiet, din qaltilhom ilibbsu maskra lill-pazjenti u jkomplu bħas-soltu.

L-MUMN qalet li dan hu inaċċettabbli, u li l-infermiera għandhom ikunu jafu x’inhu jiġri.

Meta din il-kwistjoni ġiet diskussa mal-maniġment tal-Isptar Mater Dei, l-MUMN ġiet infurmata li dawn kienu pazjenti ta’ riskju baxx. Madankollu, jekk jirriżulta li xi ħadd minn dawn il-pazjenti ta’ riskju baxx ikollu l-coronavirus, l-infermiera u l-familji tagħhom ikollhom jiġu skrinjati għall-Covid-19, u possibbilment jitpoġġew kwarantina.

L-Unjin għalhekk ħarġet avviż lill-infermiera biex jiċċekkjaw sew qabel ma jħallu lil pazjenti jidħlu mill-E/A, u jitolbu dikjarazzjoni mingħand it-tabib li l-pazjent mhux qed jistenna riżultat ta’ test tal-coronavirus. L-infermiera għandhom jirrifjutaw lill-pazjenti jekk ma jkollhomx dikjarazzjoni bħal din.