Pazjenti jinżammu għalxejn l-isptar minħabba l-istrajk tas-social workers

Pazjenti li jkollhom bżonn l-għajnuna tal-ħaddiema soċjali u li bħalissa jinsabu l-Isptar Mater Dei ma jistgħux jiġu rrilaxxati mill-isptar minħabba l-istrajk tas-social workers li għaddej bħalissa.
Sorsi infurmati fl-Isptar Mater Dei li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li dawn il-pazjenti qed jispiċċaw jokkupaw sodod u spazji li huma vitali fl-isptar għal pazjenti oħra fil-bżonn.
Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma’ ħaddiema soċjali li spjegaw għaliex l-istrajk qed jaffettwa li l-pazjenti jinżammu l-isptar. Fissru li jkun hemm bżonn intervent tagħhom biex ifasslu l-pjan tat-trattament mat-tobba, ma’ dawk il-pazjenti li jkollhom bżonn is-servizzi tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS).
Għaldaqstant, il-ħaddiema soċjali, kawża tal-istrajk li beda erba’ ġimgħat ilu, ma jistawx jiltaqgħu mat-tobba sabiex jitfasslu dawn il-pjanijiet li mingħajrhom il-pazjenti ma jistgħux joħorġu mill-isptar.
Jibqgħu mingħajr il-pjan finanzjarju li kellu joħroġ nhar it-Tnejn
Ma’ Newsbook.com.mt, il-ħaddiema soċjali saħqu li minkejja li nhar it-Tnejn li għadda kellhom jirċievu pakkett finanzjarju ġdid, sabiex jitkomplew id-diskussjonijiet baqgħu ma rċevew xejn.
Madanakollu, waqt is-seduta tal-Parlament ta’ nhar l-Erbgħa, il-Ministru għall-Familja, Michael Falzon, tkellem dwar is-servizzi li toffri l-Aġenzija Appoġġ minkejja li għal dawn l-aħħar erba’ ġimgħat il-ħaddiema soċjali waqfu l-kuntatt mal-klijenti tagħhom.
Fil-bidu tal-azzjoni ndustrijali, il-ħaddiema soċjali ma setgħu jagħmlu l-ebda tip ta’ komunikazzjoni bit-telefown, mowbajl, imejl, messaġġi u ittri mal-klijenti kif ukoll ma setgħux jattendu jew jipparteċipaw f’laqgħat multidixxiplinarji.
Ġimagħtejn ilu, l-istess ħaddiema ġew ordnati sabiex jieqfu jaraw lill-klijenti tagħhom b’mod totali.
Newsbook.com.mt ikkuntattja lill-Ministeru tas-Saħħa kemm permezz ta' imejl kif ukoll b'telefonati iżda sal-ħin tal-pubblikazzjoni għadna ma' rċevejniex tweġibha.