Pazjenti Għawdxin imġiegħla jinżlu Malta għall-kimoterapija – MUMN

L-Unjin tal-Infermiera u Qwiebel qed tistenna li l-Ministru tas-Saħħa jibda jinvestiga għaliex għadd ta’ konsulenti fl-Isptar ta’ Għawdex, qed jibagħtu pazjenti morda bil-kanċer għall-kimoterapija fl-Isptar Boffa.
L-MUMN ma tistax tifhem kif minkejja l-investiment li sar fl-Isptar Ġenerali, il-pazjenti mhux qed jingħataw il-kura f’Għawdex stess.
Fi stqarrija semmiet kif uħud mill-pazjenti qed ikollhom jikru kamra ta’ lukanda f’Malta għaliex il-vjaġġ ikompli jżid mat-tbatija tal-kanċer.
Irrimarkat ukoll li kien hemm min ipprefera jkompli jbati milli jmur l-Isptar Boffa.
L-MUMN qalet ukoll li għalkemm uħud mill-mediċini jridu jingħataw bilfors minn Boffa, mediċini oħra jistgħu jingħataw mill-infermiera mħarrġa apposta li hemm fl-Isptar ta’ Għawdex.
Saħqet li r-raġuni li qed jagħtu l-konsulenti hi minħabba s-sigurtà tal-pazjent.
L-Unjin kompliet tgħid li ċ-Ċermen tad-Dipartiment tal-Onkoloġija qiegħed iktar fuq in-naħa tal-konsulenti milli tal-pazjenti li qed ibatu.
F’każ li l-karba tal-pazjenti se taqa’ fuq widnejn torox, l-Unjin tal-Infermiera u Qwiebel lesta tippubblika ċifri u fatti.