“Pazjenti b’tendenzi vjolenti jgħaddu minn nofsna għat-toilet”

Infermiera fl-Isptar Monte Karmeli ġew ikkwotati fir-Rapport tal-Awditur Ġenerali jgħidu li jħossuhom fil-periklu hekk kif pazjenti “b’tendenzi vjolenti” jgħaddu mill-istation tagħhom biex imorru t-toilet.

L-infermiera tas-Sala 8B qalu lill-uffiċjali tal-NAO li hemm biss faċilità sanitarja waħda fis-sala, u għaldaqstant il-pazjenti, irġiel bi problema ta’ abbuż mis-sustanzi, ikollhom jgħaddu minn nofshom. Enfasizzaw li ma jistgħux iħossuhom siguri, anke f’każ li pazjent joħloq inċident.

Swali bla shower; infermiera jkollhom jaħslu l-pazjenti

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika nnota wkoll in-nuqqas ta’ faċilitajiet sanitarji mal-isptar kollu. Ir-rapport isemmi numru ta’ swali li m’għandhomx shower taħdem, li jġiegħel lill-infermiera jgħinu lill-pazjenti jinħaslu fis-sodod tagħhom jew jużaw il-faċilitajiet ta’ swali oħra. Ġie innutat ukoll li għalkemm ġeneralment jinżammu nodfa, il-kundizzjoni tal-faċilitajiet sanitarji mhix aċċettabbli.

Infermiera jkollhom iduru minn sala għal oħra

L-impjegati tal-Isptar Monte Karmeli qalu lill-uffiċjali tal-NAO, li kif inhu mqassam l-isptar joħloq sfidi loġistiċi u amministrattivi, bil-konsegwenza li tixxekkel il-ħidma u l-effiċjenza tal-maniġment.

L-NAO qal li l-isptar ġie mfassal 150 sena ilu skont l-istandards ta’ dak iż-żmien, mingħajr central nursing station. Dan iwassal għal ineffiċjenzi fl-allokazzjoni tal-infermiera, għax ikollhom iduru minn sala għall-oħra, minflok joqogħdu fl-istation jagħmlu xogħol amministrattiv filwaqt li xorta jkollhom kontroll fuq il-pazjenti.

Hemm swali mhux aċċessibbli

L-uffiċjali tal-NAO esprimew tħassib dwar mill-inqas żewġ swali li mhumiex aċċessibbli. Isemmu kif f’waħda mis-swali fejn hemm persuni anzjani, l-unika aċċess għall-common room huwa permezz ta’ tliet tarġiet.

Barra minn hekk lift li jgħaqqad żewġ sulari ta’ sala oħra ma’ xulxin ħafna drabi ma jaħdimx. Id-dormitorju jinsab fuq filwaqt li isfel hemm il-common room.  L-NAO jinnota li dan joffri sfida kbira għall-impjegati, hekk kif uħud mill-pazjenti jsibuha diffiċli biex jużaw it-taraġ.

Tista’ tara r-rapport sħiħ hawn.