Pazjenti b’sodod iħokku ma’ xulxin

Pazjenti fl-Isptar Monte Karmeli qed jiġu rikoverati fi swali fejn is-sodda tagħhom kważi tmiss ma’ dik tal-pazjent ta’ maġenbhom.

Dan ħareġ mir-Rapport tal-Awditur Ġenerali (NAO) li ta ħarsa lejn l-istat li jinsab fih l-isptar, fejn bħalissa qed jiġu rikoverati madwar 530 persuna.

It-tim ta’ uffiċjali mill-NAO osserva kif fis-swali qed jitpoġġew aktar pazjenti milli suppost. Fisser li dan iwassal biex l-ispazju personali u l-privatezza tal-pazjent ikunu limitati. Barra minn hekk irrimarka li anke l-ħaddiema tal-isptar ikollhom sfida biex ikunu jistgħu jagħtu servizz lill-pazjenti. L-NAO tisħaq li s-sitwazzjoni tista’ tkun kritika meta jkun hemm emerġenza.

Il-common areas lanqas ma huma aċċettabbli

L-istess rapport jgħid li d-daqs tal-common areas lanqas mhu aċċettabbli f’ċertu swali. F’sala partikolari, 28 pazjent u l-impjegati, iqattgħu l-biċċa l-kbira tal-jum f’kamra li ma taqbiżx il-kobor ta żewġ living rooms ta’ daqs medju.

L-NAO tinnota li dan jikkuntrasta ma’ xi swali oħra li għandhom common area kbira ħafna, aktar milli hemm bżonn, imbagħad fil-kmamar tas-sodod ‘kulħadd fuq xulxin’. Ġie rreġistrat ukoll li f’xi ċirkostanzi l-pazjenti jitpoġġew f’postijiet li mhumiex swali.

Esprima tħassib li m’hemmx livell dinjituż ta’ kumdità, la għall-pazjenti u lanqas għall-impjegati.

97 anzjan f’Monte Karmeli minflok f’home

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika jirrimarka li waħda mill-problemi hija li numru sinifikanti ta’ sodod mhux qed jintużaw minn individwi bi problemi ta’ saħħa mentali, imma fost l-oħrajn minn anzjani u minn dawk bi problema ta’ abbuż mis-sustanzi.

Semma kif fi tliet swali hemm 97 anzjan, fi bżonn ta’ home jew ta’ persuni li jieħdu ħsiebhom. Fisser li għalkemm hemm uħud bi problemi ta’ saħħa mentali, dawn ikunu assoċjati mal-età u li jistgħu jieħdu ħsiebhom professjonisti fi djar tal-anzjani. L-NAO jispjega li jkun hemm każi fejn anzjani jintbagħtu Monte Karmeli għax ma jkunx fadal spazju f’San Vinċenz de Paul u għaldaqstant l-anzjani lanqas ikunu assenjati ma’ konsulent psikjatriku.