Pazjenti b’operazzjonijiet skedati mhux se jiddaħħlu fl-Isptar t’Għawdex

Pazjenti li għandhom operazzjonijiet tal-ortopedija skedati fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex mhux se jiddaħħlu għall-operazzjonijiet.
Dan wara azzjoni industrijali li ordnat il-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) peress li pazjenti b’operazzjonijiet skedati kienu qed jispiċċaw fil-kurutur.
L-MUMN saħqet li l-problemi kroniċi li qed jaffettwaw il-pazjenti f’dan l-isptar qed jiġu injorati, minkejja li d-Diviżjoni tas-Saħħa qed tippjana li tiftaħ sala tal-ortopedija.
Sostniet li bħalissa fis-Sala Ġenerali tan-Nisa, l-unika sala li tieħu pazjenti ta’ ortopedija, operazzjonijiet u każijiet mediċi, hemm iktar minn nofs il-pazjenti li huma każijiet soċjali jew li qed jistennew biex jitpoġġew f’residenza għall-anzjani.
L-MUMN qalet li s-sitwazzjoni tant hi waħda ffollata li saħansitra hemm is-sodod fil-kurutur.
Appellat lid-Diviżjoni tas-Saħħa biex tibda tindirizza l-każijiet soċjali minnufih billi jsir xogħol ta’ manutenzjoni fis-swali vojta. Qalet ukoll li s-sitwazzjoni dejjem baqgħet sejra lura għad-detriment tal-pazjenti u l-infermiera.