Aġġornata: ​Pazjenta tmut f’kuritur ta’ Mater Dei – il-PN irid spjegazzjoni

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, Claudette Buttigieg, f’konferenza tal-aħbarijiet, talbet spjegazzjoni mis-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne għaliex pazjenta mietet f’kuritur tal-isptar dan il-lejl.
Buttigieg qalet li s-sitwazzjoni f’Mater Dei tant marret għall-agħar li anzjana li ġiet rikoverata fil-kuritur bejn l-Emerġenza u d-Dipartiment tal-Medical Imaging, mietet wara li allegatament ma kienx hemm l-apparat meħtieġ biex isalvaha.
Saħqet li dan hu każ serju u ma jistax jiġi injorat waqt li insistiet li s-Segretarju Parlamentari jagħti spjegazzjoni ċara ta’ x’ġara u x’wassal biex il-pazjenta tmut il-lejl li għadda.
Waqt li qalet li mhemmx dubju li l-infermiera, it-tobba u l-paramediċi għamlu dak kollu li setgħu biex isalvaw il-ħajja tal-anzjana, Buttigieg saħqet li l-kurituri li qed jintużaw mhumiex attrezzati għall-pazjenti.
Sostniet li fl-aħħar ġimgħat, speċjalment kemm ilu li Fearne ħatar lil Ivan Falzon bħala Kap Eżekuttiv tal-isptar, is-sitwazzjoni marret għall-agħar tant li ddeskrivietha bħala “bla preċedent” u “riżultat ta’ deċiżjonijiet li ħadet it-tmexxija tal-isptar fl-aħħar xhur”.
Insistiet li l-Oppożizzjoni ma tistax tibqa’ siekta quddiem dan “l-aħħar u l-akbar każ li ġiet infurmata dwaru” waqt li saħqet li f’Mater Dei id-dinjità tal-pazjenti m’għadhiex teżisti.

Aġġornata:
Illejla fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern ikkonferma li mietet anzjana fil-kurituri tal-isptar Mater Dei.
Il-Partit Nazzjonalista qal li s-Segretarju Parlamentari għas-saħħa Chris Fearne beża' jidher quddiem il-media biex jitkellem dwar dan il-każ, tant li bagħat lill-Kap Eżekuttiv tal-istess sptar Ivan Falzon biex jaffaċja ċertu sezzjonijiet tal-media u jwieġeb għall-mistoqsijiet.
Intqal li hija ħasra wkoll li f'Malta hawn sitwazzjoni fejn il-Gvern jagħżel lil min irid hu biex jattendi għall-konferenzi tal-aħbarijiet billi jċempel f'xi kmamar tal-aħbarijiet minflok issir sejħa għall-ġurnalisti b'mod normali.