Pazjent tħalla jagħmel suwiċidju bi traskuraġni – Il-Qorti

Il-Magistrat Donatella M Frendo Dimech f’sentenza mogħtija t-Tnejn qalet li pazjent fit-taqsima forensika tal-Isptar Monte Karmeli kellu bżonn ambjent sigur u għassa kontinwa peress li kellu tendenzi suwiċida. Iżda għax ma kienx ikkurat tajjeb spiċċa jagħmel suwiċidju fiċ-ċella tiegħu f’Jannar 2016.

Il-Qorti ddeċidiet li kien hemm traskuraġni u nuqqas ta’ ħila kemm mill-infermiera li taħtha kien hemm il-pazjent kif ukoll minn oħrajn. L-infermiera Yulia Toteva weħlet is-somma ta’ €5,000. Il-Qorti qalet li kien hemm oħrajn li kellhom responsabbiltà għall-mewt tal-pazjent minħabba t-traskuraġni tagħhom u minħabba f’hekk tnaqqset parti mill-ħtija ta’ Toteva.

Peress li l-pazjent kellu tendenzi suwiċida kellu jinżamm taħt sorveljanza 24 siegħa kuljum iżda l-kamera ta’ sorveljanza ma kinitx tinkwadra l-kamra kollha. Barra minn hekk il-monitor kien imċajpar.

Għalkemm Toteva kienet responsabbli mis-sorveljanza, kienet infermiera oħra li ndunat li l-pazjent kien għamel suwiċidju. Infermiera oħra mbagħad kienet ratu ftit qabel u lanqas indunat li kien mejjet.

Ħabel moħbi fiċ-ċella

Il-Qorti nnutat ukoll li l-pazjent tħalla jakkwista u jaħbi fiċ-ċella biċċa ħabel li bih għamel is-suwiċidju. Il-Qorti dehrilha li din il-ħaġa hija għarukaża u ħaġa tal-mistħija li turi kemm dawk responsabbli mill-kura ma kinux jafu xogħolhom sew.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti nnutat li l-gwardjani li xogħolhom kien li jfittxu fiċ-ċella ma sabux il-ħabel u lanqas biss kienu jafu li s-saqqu kellu erba’ toqbiet, waħda f’kull rokna, fejn seta’ jinħeba l-ħabel. Minħabba f’hekk it-tfittxija kienet waħda inutli.

Iżda fl-opinjoni tal-Qorti dawn in-nuqqasijiet tal-oħrajn ma kinux ineħħu b’mod sħiħ il-ħtija ta’ Toteva li qatt ma messha ħalliet lil pazjent ikun fejn hi ma setgħetx tarah sewwa biex tassigura li ma jiġrilu xejn.