Read in English.
Ir-raġel li aktar kmieni ġie rrappurtat li kien qed jiġi mfittex mill-Pulizija nstab fiċ-Ċentru l-Miftuħ f’Ħal Far.
Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li r-raġel kien qed jingħata assistenza fil-klinika tas-Salib l-Aħmar f’Ħal Far, meta daħal fiċ-ċentru miftuħ qabel dan ingħalaq fuq kwarantina.
Il-Pulizija qalet li r-raġel issa ittieħed lejn l-Isptar Boffa flimkien ma tim mediku. Il-Pulizija stabbiliet li ma kellu ebda kuntatt ma’ persuni oħra barra miċ-ċentru.
Aktar kmien, il-Professur Charmaine Gauci qalet li pazjent li nstab pożittiv għall-coronavirus kien ħarab waqt li kien qed jiġi trasportat minn sptar għall-ieħor. Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika qalet dan waqt li kienet qed twieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti fil-konferenza tal-aħbarijiet dwar l-aħħar aġġornament tal-coronavirus fil-pajjiż.
Ġurnalista staqsiet jekk hux minnu li kien hemm pazjent partikolari li ħarab waqt li kien qed jiġi trasferit lejn l-Isptar Boffa u jekk dan kienx instab. Prof. Gauci kkonfermat li kien hemm raġel maħrub u li dan s’issa għadu ma nstabx. Il-Pulizija bħalissa qed tfittex lir-raġel.
Illum waranofsinhar tħabbru total ta’ 14-il każ ġdid ta’ coronavirus fil-pajjiż biex b’hekk issa l-għadd totali tela’ għal dak ta’ 241 każ.