Pawlisti se jiċċelebraw mar-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Matul dan ix-xahar, f’Raħal Ġdid se jkunu qed jilħqu l-qofol tagħhom iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ħamsin anniversarju mill-Konsagrazzjoni tal-Knisja Parrokjali ta’ Kristu Re.
Iċ-ċelebrazzjoni prinċipali se ssir nhar l-Erbgħa 12 ta’ Lulju wara li ġew posposti għax oriġinarjament kellhom isiru dakinhar tal-Elezzjoni Ġenerali.
Matul l-aħħar 12-il xahar ġew organizzati diversi attivitajiet kulturali u liturġiċi.
Il-Kappilan, il-Kanonku Dun Mark Andrè Camilleri spjega li l-attivitajiet ġew abbinati mal-opri tal-ħniena li Ġesù tkellem dwarhom f’dak magħruf bħala d-Diskors tal-Muntanja fl-Evanġelju ta’ San Mattew.
Lulju ser tkun abbinata mal-opra tal-ħniena “kont fil-ħabs u ġejt iżżurni." Għalhekk, l-istatwa titulari ta’ Kristu Re se tkun qed toħroġ mill-Knisja Parrokjali u se tittieħed quddiem sal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Malli l-purċissjoni tasal hemm, l-Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi ċelebrazzjoni ta’ talb, animata mill-Grupp Żgħażagħ tal-Parroċċa, bil-parteċipazzjoni tar-residenti tal-istess Faċilità.
Minn hemm il-purċissjoni se tkompli sal-knisja ta’ Sant’ Ubaldeska, li serviet ukoll bħala knisja parrokjali qabel inbniet dik li hemm illum.
Din se tkun l-ewwel darba li l-istatwa titulari ta’ Kristu Re se tidħol f’din il-knisja.
Iċ-ċelebrazzjoni tintemm fil-Knisja Parrokkjali fejn wara li tingħata l-Barka Sagramentali se tiġi inawgurata l-gallarija tal-orgni.